Id-Diżastri Naturali—Juru li Alla Hu Kattiv?
DAK LI JGĦIDU XI NIES: “Alla jaħkem lid-dinja, u allura hu jikkaġuna d-diżastri naturali; għalhekk, bilfors li hu kattiv.”
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Min hu “l-Ħażin”? Il-Bibbja tidentifikah bħala Satana. (Mattew 13:19; Marku 4:15) Hija din esaġerazzjoni? Aħseb ftit: Jekk Satana għandu l-poter fuq l-art, mela hu jinfluwenza lill-bnedmin biex, bħalu, ikunu egoisti, rgħiba, u jaraw sal-ponta taʼ mneħirhom. Ma jgħinniex dan nifhmu għala l-bniedem tant jabbuża mill-ambjent tiegħu stess hawnhekk fuq l-art? Ħafna esperti jwissu li l-abbuż tal-ambjent jistaʼ jeffettwa d-diżastri naturali, kemm jekk jikkaġunahom, jiggravahom, jew jagħmel is-soċjetà umana iktar suxxettibbli għalihom.
Allura Alla għala ppermetta li Satana jkollu tant influwenza fuqna? Biex insibu t-tweġiba, irridu mmorru lura għall-bidu tal-umanità, meta l-ewwel ġenituri tagħna rribellaw kontra Alla bħala l-Ħakkiem. Minn dakinhar ’l hawn, il-biċċa l-kbira mill-umanità għamlet bħalhom. Din l-għażla li ħadu—li jiċħdu l-ħakma t’Alla—poġġiet id-dinja tal-umanità f’idejn Satana, l-għadu t’Alla. B’hekk, Ġesù sejjaħ lil Satana “l-ħakkiem tad-dinja.” (Ġwanni 14:30) Satana se jaħkem għal dejjem? Le!
Ġeħova * mhuwiex bla qalb u indifferenti għat-tbatija li jikkaġuna Satana. Infatti, Alla jiġi effettwat ħafna meta l-bnedmin ibatu. Pereżempju, rigward iż-żminijiet ebsin li ġarrbu n-nies t’Iżrael, il-Bibbja tgħid hekk dwar Alla: “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket.” (Isaija 63:9) Bi ħniena, Alla rranġa biex iġib fi tmiemha l-ħakma kattiva taʼ Satana—u dalwaqt! Ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun Sultan ġust u sewwa għal dejjem!
KIF INT INVOLUT: Għalkemm il-ħakma taʼ Satana ma rnexxilhiex tipproteġi lin-nies mid-diżastri naturali, il-ħakma taʼ Ġesù se jirnexxilha tagħmel dan. Ġesù darba aġixxa biex jipproteġi lid-dixxipli tiegħu matul maltempata vjolenti. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Ċanfar ir-riħ u qal lill-baħar: ‘Iskot! Oqgħod kwiet!’ U r-riħ batta, u waqgħet kalma kbira.” Id-dixxipli qalu: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jobduh?” (Marku 4:37-41) Din il-ġrajja tagħtina l-fiduċja li Ġesù se jipproteġi lill-umanità ubbidjenti kollha matul il-ħakma tiegħu bħala Sultan.—Danjel 7:13, 14.
^ par. 5 Ġeħova hu l-isem t’Alla skont kif jidher fil-Bibbja.