SUĠĠETT PRINĊIPALI | IS-SALTNA T’ALLA—X’TISTAʼ TFISSER GĦALIK?
Is-Saltna t’Alla—Xi tfisser għal Ġesù
Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù tkellem dwar bosta suġġetti. Pereżempju, għallem lis-segwaċi tiegħu kif jitolbu, kif jogħġbu lil Alla, u kif isibu l-ferħ veru. (Mattew 6:5-13; Marku 12:17; Luqa 11:28) Imma s-suġġett li Ġesù tkellem dwaru l-iktar—is-suġġett li l-iktar kien jgħożż—kien is-Saltna t’Alla.—Luqa 6:45.
Bħalma ssemma fl-artiklu taʼ qabel dan, Ġesù ffoka ħajtu fuq li “jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna.” (Luqa 8:1) Hu tħabat, mexa mijiet taʼ kilometri fl-art taʼ Iżrael sabiex jgħallem lin-nies dwar is-Saltna t’Alla. Il-ministeru taʼ Ġesù nkiteb fl-erbaʼ Evanġelji, li fihom ’il fuq minn 100 referenza għas-Saltna. Il-biċċa l-kbira minn dawk ir-referenzi qegħdin fil-kliem taʼ Ġesù, u madankollu jirrappreżentaw biss ftit minn dak kollu li qal dwar is-Saltna t’Alla!—Ġwanni 21:25.
Is-Saltna għala kienet tant għal qalb Ġesù meta kien fuq l-art? Ġesù kien jaf li Alla kien għażel lilu bħala l-Mexxej tagħha. (Isaija 9:6; Luqa 22:28-30) Imma Ġesù ma kienx moħħu f’li jakkwista l-qawwa jew il-glorja għalih. (Mattew 11:29; Marku 10:17, 18) Hu ta importanza lis-Saltna iżda mhux għall-benefiċċju tiegħu stess. Ġesù primarjament kien u għadu interessat fis-Saltna t’Alla * minħabba f’dak li se tagħmel għal dawk li hu jħobb—Missieru tas-sema u s-segwaċi leali tiegħu.
X’SE TAGĦMEL IS-SALTNA GĦAL MISSIER ĠESÙ
Ġesù għandu mħabba profonda għal Missieru tas-sema (Proverbji 8:30; Ġwanni 14:31) Hu jammira l-kwalitajiet li jiġbduk taʼ Missieru, bħal pereżempju l-imħabba Tiegħu, il-mogħdrija Tiegħu, u l-ġustizzja Tiegħu. (Dewteronomju 32:4; Isaija 49:15; 1 Ġwanni 4:8) Mela, Ġesù żgur li jobgħod jismaʼ l-gideb li jixxerred dwar Missieru—gideb bħal li Alla ma jimpurtahx mit-tbatija tal-bnedmin u li Alla jridna nbatu. Din hi raġuni waħda għala Ġesù kien ħerqan li jxandar “l-aħbar tajba tas-saltna”—kien jaf li maż-żmien is-Saltna kienet se tnaddaf ir-reputazzjoni taʼ Missieru. (Mattew 4:23; 6:9, 10) Kif se tagħmlu dan?
Permezz tas-Saltna, Ġeħova se jieħu azzjoni deċiżiva u pożittiva għall-benefiċċju tar-razza umana. Hu se ‘jixxotta kull demgħa’ minn għajnejn il-bnedmin leali. Ġeħova se jelimina l-kaġuni taʼ dan id-dmugħ u jaċċerta li “ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Permezz tas-Saltna, Alla se jelimina t-tbatija umana kollha. *
Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien ħerqan biex jgħid lin-nies dwar is-Saltna! Kien jaf li kienet se turi Ġakbu 5:11) Ġesù kien jaf ukoll li s-Saltna kienet se tkun taʼ benefiċċju għal oħrajn li jħobb—il-bnedmin leali.
kemm verament hu qawwi u kemm juri mogħdrija l-Missier. (X’SE TAGĦMEL IS-SALTNA GĦAL BNEDMIN LEALI
Ħafna żmien qabel ma ġie fid-dinja, Ġesù għex fis-sema maʼ Missieru. Il-Missier uża lill-Iben biex joħloq kollox—mis-smewwiet tal-għaġeb bil-kwiekeb u bil-galassji bla għadd tagħhom sal-pjaneta mill-isbaħ tagħna u l-annimali li jgħixu fiha. (Kolossin 1:15, 16) Minnhom kollha, però, Ġesù sar ‘jgħożż’ lill-bnedmin.—Proverbji 8:31.
Ġesù wera l-imħabba kbira li kellu għall-bnedmin fil-ministeru tiegħu. Mill-bidu nett, għamilha ċara li kien ġie fid-dinja sabiex ‘ixandar aħbar tajba’ lil dawk fil-bżonn. (Luqa 4:18) Imma Ġesù mhux sempliċement tkellem dwar li jgħin lin-nies. Darba wara l-oħra wera mħabbtu għall-bnedmin. Pereżempju, meta nġabret folla kbira biex jisimgħuh jitkellem, Ġesù “tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.” (Mattew 14:14) Meta raġel b’marda taʼ wġigħ wera fidi f’li Ġesù setaʼ jfejqu jekk verament ried, Ġesù tqanqal bl-imħabba. Hu fejjaq lir-raġel u b’mogħdrija qallu: “Irrid. Indaf.” (Luqa 5:12, 13) Meta Ġesù ra lill-ħabiba tiegħu Marija mnikkta minħabba l-mewt taʼ ħuha, Lazzru, Ġesù “karab fl-ispirtu tiegħu,” “tnikket,” u “qabiżlu d-dmugħ.” (Ġwanni 11:32-36) Imbagħad għamel xi ħaġa li ħadd qatt ma immaġina li se jagħmel—Ġesù rxoxta lil Lazzru għalkemm kien ilu mejjet erbat ijiem!—Ġwanni 11:38-44.
M’għandniex xi ngħidu, Ġesù kien jaf li s-serħan li offra dak iż-żmien kien biss temporanju. Hu rrealizza li llum jew għada, dawk kollha li fejjaq kienu se jerġgħu jimirdu u dawk kollha li rxoxta kienu se jerġgħu jmutu. Madankollu, Ġesù kien jaf ukoll li s-Saltna t’Alla kienet se ġġib tmiem permanenti għal problemi bħal dawn. Hu għalhekk li Ġesù mhux sempliċement għamel il-mirakli; hu ddikjara b’żelu wkoll “l-aħbar tajba tas-saltna.” (Mattew 9:35) Il-mirakli tiegħu wrew fuq skala żgħira dak li se tagħmel dalwaqt is-Saltna t’Alla madwar id-dinja. Ikkunsidra xi twiegħed il-Bibbja dwar dak iż-żmien.
-
Ma jkunx hemm iżjed problemi taʼ saħħa.
“F’dak iż-żmien jinfetħu għajnejn l-għomja, u jinfetħu widnejn it-torox. Dak iż-żmien iz-zopp se jixxabbat bħaċ-ċerv, u lsien il-mutu se jgħajjat bil-ferħ.” Iżjed minn hekk, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; 35:5, 6.
-
Ma jkunx hemm iżjed mewt.
“Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
“Hu jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.”—Isaija 25:8.
-
Dawk li mietu se jerġgħu jgħixu.
“Dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.
“Se jkun hemm irxoxt.”—Atti 24:15.
-
Ma jkunx hemm iżjed nies bla djar jew mingħajr impjieg.
“Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor. . . . Se jużaw xogħol idejhom bis-sħiħ.”—Isaija 65:21, 22.
-
Ma jkunx hemm iżjed gwerer.
“Qed iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.”—Salm 46:9.
“Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.”—Isaija 2:4.
-
Ma jkunx hemm iżjed nuqqas taʼ ikel.
“L-art infisha se tagħti l-prodott tagħha; Alla, Alla tagħna, se jberikna.”—Salm 67:6.
“Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.
-
Ma jkunx hemm iżjed faqar.
“Il-fqir ma jibqax minsi għal dejjem.”—Salm 9:18.
“Hu se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u lill-magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu. Se jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir, u jsalva ħajjet il-foqra.”—Salm 72:12, 13.
Meta tqis dawn il-wegħdi rigward is-Saltna t’Alla, tistaʼ tara għala s-Saltna t’Alla hi tant għażiża għal Ġesù? Meta kien fuq l-art, hu kien ħerqan biex jitkellem maʼ kull min ried jismaʼ, għax hu kien jaf li s-Saltna kienet se ġġib fi tmiemhom il-problemi taʼ wġigħ li naraw illum.
Il-wegħdi tal-Bibbja rigward is-Saltna jħajruk? Jekk inhu hekk, kif tistaʼ titgħallem iżjed dwar dik is-Saltna? U x’tistaʼ tagħmel biex tkun ċert li se tibbenefika mill-barkiet tagħha? L-aħħar artiklu f’din is-serje se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
^ par. 5 Dan l-artiklu jirreferi għas-sentimenti taʼ Ġesù fil-preżent għax Ġesù hu ħaj fis-sema, u mindu rritorna fis-sema, is-Saltna bla dubju baqgħet għażiża għalih.—Luqa 24:51.
^ par. 8 Għal informazzjoni dwar għala Alla ppermetta t-tbatija umana għal xi żmien, ara kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.