Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | TIXTIEQ TISTUDJA L-BIBBJA?

Għala għandek tistudja l-Bibbja?

Għala għandek tistudja l-Bibbja?
  • X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?

  • In-​nies għala jbatu u jmutu?

  • X’se jiġri fil-​futur?

  • Alla jimpurtah minni?

Qatt staqsejt lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn? Jekk inhu hekk, m’intix waħdek. Nies minn madwar id-​dinja qed jitħassbu dwar il-​mistoqsijiet importanti tal-​ħajja. Tistaʼ ssibhom it-​tweġibiet?

Miljuni taʼ nies jgħidu, “Iva!” Għala? Għax sabu tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet tagħhom fil-​Bibbja. Trid tkun taf x’tgħid il-​Bibbja? Mela forsi tixtieq tibbenefika minn programm taʼ studju tal-Bibbja b’xejn offrut mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. *

Veru, meta jiġu biex jaraw x’tgħid il-​Bibbja, xi nies jgħidu: “Għandi ħafna x’nagħmel.” “Hi diffiċli wisq.” “Ma rridx nintrabat.” Imma oħrajn għandhom ħarsa differenti. Huma jilqgħu l-​opportunità biex jitgħallmu x’tgħallem il-​Bibbja. Ikkunsidra ftit eżempji:

  • “Kont immur fi knejjes Kattoliċi u Protestanti, tempju Sikh, u monasterju Buddist, u studjajt it-​teoloġija l-​università. Madankollu, ħafna mill-​mistoqsijiet li kelli dwar Alla baqgħu ma twiġbux. Imbagħad ħabbtitli l-​bieb waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Peress li impressjonatni bit-​tweġibiet tagħha bbażati fuq il-​Bibbja, qbilt li nistudja l-​Bibbja.”—Gill, l-​Ingilterra.

  • “Kelli ħafna mistoqsijiet dwar il-​ħajja, imma t-​tweġibiet li tani l-​qassis ma ssodisfawnix. Però, wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova wieġeb il-​mistoqsijiet tiegħi billi uża l-​Bibbja biss. Meta staqsieni jekk ridtx inkun naf iżjed, aċċettajt bil-​qalb kollha.”—Koffi, il-​Benin.

  • “Kont kurjuż dwar x’jiġri mill-​mejtin. Kont naħseb li l-​mejtin jistgħu jagħmlu l-​ħsara lill-​ħajjin, imma xtaqt inkun naf x’tgħid il-​Bibbja. Għalhekk, bdejt nistudja l-​Bibbja maʼ ħabib li kien Xhud.”—José, il-​Brażil.

  • “Ipprovajt naqra l-​Bibbja imma ma stajtx nifhimha. Imbagħad ġew ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għandi u spjegawli biċ-​ċar diversi profeziji tal-​Bibbja. Ridt nara xi stajt nitgħallem iktar.”—Dennize, il-​Messiku.

  • “Kont nistaqsi lili nnifsi jekk Alla kienx verament jimpurtah minni. Għalhekk iddeċidejt li nitlob lill-​Alla tal-​Bibbja. L-​għada ħabbtuli l-​bieb ix-​Xhieda u aċċettajt studju tal-​Bibbja.”—Anju, in-​Nepal.

Dawn l-​esperjenzi jfakkruna fil-​kliem taʼ Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Iva, il-​bnedmin jitwieldu bi bżonn spiritwali. Alla biss jistaʼ jissodisfa dak il-​bżonn, u jagħmel dan permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

Allura x’jinvolvi studju tal-​Bibbja? Kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik? Dawn il-​mistoqsijiet se jitwieġbu fl-​artiklu li jmiss.

^ par. 8 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif irrivelat fil-Bibbja.