IBQAʼ ATTENT!
2022: Sena Mimlija Inkwiet—X’Tgħid il-Bibbja?
Matul is-sena 2022, ħlief aħbarijiet dwar gwerer, problemi ekonomiċi, u diżastri ambjentali ma smajniex. Il-Bibbja biss tispjega għala qed jiġru dawn l-affarijiet.
X’juru verament l-affarijiet li ġraw fis-sena 2022?
L-affarijiet li ġraw is-sena l-oħra jkomplu jżidu mal-evidenza li qed ngħixu f’dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1) Dan iż-żmien beda fl-1914. Ara kif l-affarijiet li qed naraw illum jaqblu maʼ dak li l-Bibbja qalet li kellu jiġri:
“Gwerer.”—Mattew 24:6.
“L-2022 Hi s-Sena li l-Ewropa Qed Terġaʼ Tesperjenza l-Effetti Koroh tal-Gwerra.” a
Ara l-artiklu “Ir-Russja Tattakka l-Ukrajna.”
“Nuqqas taʼ ikel.”—Mattew 24:7.
“2022: Sena taʼ Ġuħ li Qatt Ma Kien Hawn Bħalu.” b
Ara l-artiklu “Il-Kriżi Globali tal-Ikel Tmur għall-Agħar bil-Gwerra fl-Ukrajna.”
“Mard.”—Luqa 21:11.
“Reġaʼ kien hawn il-marda tal-poljo fl-istess żmien li l-ġidri tax-xadini saret problema kbira u l-COVID-19 għadu jagħmel ħsara kbira. Dawn juru b’mod ċar kemm il-mard li jittieħed hu perikoluż u kemm in-nies huma vulnerabbli.” c
Ara l-artiklu “6 Miljun Persuna Mietu bil-COVID.”
“Affarijiet tal-biżaʼ.”—Luqa 21:11.
“Heatwaves, nixfa, nirien, u għargħar. Is-sajf tal-2022 żgur li se jibqaʼ mfakkar għat-temp estrem li għamel ħafna ħsara. Minħabba f’hekk, mietu mijiet taʼ eluf u miljuni taʼ nies madwar id-dinja tilfu darhom.” d
Ara l-artiklu “Temperaturi Rekord Madwar id-Dinja.”
“Taqlib [jew, diffikultajiet; rewwixti.].”—Luqa 21:9.
“Fl-2022, in-nies tant kemm kienu rrabjati minħabba l-problemi ekonomiċi, speċjalment minħabba l-għoli tal-ħajja, li għamlu protesti kbar kontra l-gvernijiet.” e
Ara l-artiklu “L-Għoli tal-Ħajja Jiżdied mad-Dinja Kollha.”
X’se jiġri s-sena d-dieħla?
Ħadd ma jistaʼ jkun jaf bl-eżatt x’se jiġri fl-2023. Li nafu hu li dalwaqt is-Saltna t’Alla, jiġifieri l-gvern t’Alla fis-sema, se jagħmel bidliet kbar fuq l-art. (Danjel 2:44) Dan il-gvern se jneħħi dak kollu li jġib it-tbatija u jagħmel ċert li jsir dak li jrid Alla fuq l-art.—Mattew 6:9, 10.
Inħeġġuk biex tieħu l-parir taʼ Ġesù Kristu u ‘tibqaʼ għassa.’ B’hekk tara kif dak li qed jiġri fid-dinja qed jaqbel maʼ dak li bassret il-Bibbja. (Marku 13:37) Jekk jogħġbok ikkuntattjana biex issir taf iktar dwar kif il-Bibbja tistaʼ tgħinek issa u kif int u l-familja tiegħek jistaʼ jkollkom tama vera għal futur aħjar.
a AP News, “2022 Was Year the Horror of War Returned to Europe,” minn Jill Lawless, 8 taʼ Diċembru 2022.
b Programm Dinji tal-Ikel, “A Global Food Crises.”
c JAMA Health Forum, “Living in an Age of Pandemics—From COVID-19 to Monkeypox, Polio, and Disease X,” minn Lawrence O. Gostin, JD, 22 taʼ Settembru 2022.
d Earth.Org, “What’s Behind the Record-Breaking Extreme Weather Events of Summer 2022?” minn Martina Igini, 24 t’Ottubru 2022.
e Carnegie Endowment for International Peace, “Economic Anger Dominated Global Protests in 2022,” minn Thomas Carothers u Benjamin Feldman, 8 taʼ Diċembru 2022.