IBQAʼ ATTENT!
Id-Dinja Xxokkjata Minħabba l-Ammont taʼ Vjolenza bl-Armi—X’Tgħid il-Bibbja?
Matul Lulju 2022, madwar id-dinja seħħew diversi atti xokkanti taʼ vjolenza bl-armi:
“Il-qtil tal-iktar politikant magħruf fil-Ġappun [l-eks Prim Ministru Shinzo Abe] ħasad mhux biss lill-pajjiż imma lid-dinja kollha, speċjalment meta tqis li fil-Ġappun m’hemmx rata għolja taʼ vjolenza u għandhom regoli stretti dwar l-użu tal-armi.”—10 taʼ Lulju, 2022, The Japan Times.
“In-nies tad-Danimarka xxokkjati wara li raġel spara u qatel tliet persuni ġewwa shopping centre f’Kopenħagen.”—4 taʼ Lulju, 2022, Reuters.
“L-Afrika t’Isfel: 15-il persuna mejta wara li grupp taʼ rġiel bdew jisparaw fuq in-nies ġo bar fid-distrett ta’ Soweto.”—10 taʼ Lulju, 2022, The Guardian.
“Fil-weekend tal-festa pubblika tal-4 taʼ Lulju, fl-Istati Uniti, kien hemm diversi każi taʼ sparar li fihom iktar minn 220 persuna ġew maqtula.”—5 taʼ Lulju, 2022, CBS News.
Hemm xi tama li vjolenza bħal din qatt se tispiċċa? X’tgħid il-Bibbja?
Il-Vjolenza se Tispiċċa
Il-Bibbja tiddeskrivi ż-żmien li qed ngħixu fih bħala l-“aħħar jiem,” żmien meta n-nies kienu se jaġixxu b’mod feroċi, salvaġġ, u bla qalb. (2 Timotju 3:1, 3) Atti vjolenti bħal dawn iġiegħlu lin-nies jgħixu fil-biżaʼ. (Luqa 21:11) Madankollu, il-Bibbja twiegħed li dalwaqt il-vjolenza se tispiċċa, u n-nies se ‘jgħammru f’postijiet taʼ paċi u f’residenzi mimlijin sigurtà u f’postijiet taʼ mistrieħ bla xkiel.’ (Isaija 32:18) Il-vjolenza kif se tispiċċa?
Alla se jneħħi lin-nies ħżiena u jeqred l-armi kollha.
“Rigward in-nies mill-agħar, dawn se jitqaċċtu mill-art.”—Proverbji 2:22.
“[Alla] qed iwaqqaf il-gwerer tad-dinja kollha. Hu qed jaqsam il-qaws u l-lanza, U jaħraq il-karrijiet tal-gwerra.”—Salm 46:9.
Alla se jwaqqaf il-vjolenza kollha billi jgħallem lin-nies kif jgħixu fil-paċi.
“Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.”—Isaija 11:9.
Minn issa stess, Alla qed jgħallem lin-nies madwar id-dinja kollha kif ma jibqgħux ikunu vjolenti u ma jużawx l-armi. Minflok, qed jgħallimhom kif “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi skieken taż-żabra.”—Mikea 4:3.
Biex titgħallem iktar x’tgħid il-Bibbja dwar il-wegħda li nistgħu ngħixu f’dinja mingħajr biżaʼ, aqra l-artiklu “Ħelsien mill-Biżaʼ Huwa Possibbli?”
Biex titgħallem iktar dwar kif il-vjolenza se titneħħa darba għal dejjem, aqra l-artiklu “Peace on Earth at Last!”