Id-Dinja Dalwaqt Se Tispiċċa? Il-Bibbja Tgħid li d-Dinja Se Tinqered Għalkollox?
X’jiġik f’moħħok meta tismaʼ li d-dinja “se tinqered”? Forsi taħseb dwar diżastru kbir li warajh ma jibqaʼ xejn u ħadd ħaj fuq l-art. Xi wħud jemmnu li fid-dinja dalwaqt se tiġri xi ħaġa bħal din, speċjalment meta jisimgħu aħbarijiet bħal dawn li ġejjin:
“Hemm possibiltà kbira li tinqalaʼ gwerra nukleari. Jistaʼ jkun li tibda bi ħsieb, bi żball, jew għax ikun hemm nuqqas taʼ qbil.”—Bulletin of the Atomic Scientists.
“Għal dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm rekord taʼ maltempati kbar, nirien fil-foresti, nixfa, coral bleaching minħabba temperaturi estremi u tinġis fil-baħar, heat waves, u għargħar madwar id-dinja kollha.”—National Geographic.
“L-ammont kbir taʼ ġurati li qed ikun hemm fl-Afrika f’dawn l-aħħar snin qed jagħmel iktar ħsara mis-snin taʼ qabel.”—The Associated Press.
Id-dinja se tinqered għalkollox? Il-Bibbja x’tgħid?
Id-dinja li ngħixu fiha se tinqered?
Le. Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, turina b’mod ċar li d-dinja se tibqaʼ għal dejjem. (Ekkleżjasti 1:4) Alla mhux se jeqred id-dinja li ħalaq, minflok hu jgħidilna li se “jinqerdu dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.”—Apokalissi 11:18, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?
Skont il-Bibbja, id-“dinja” li se tispiċċa tirreferi għal dawk in-nies li mhux qed jgħixu ħajjithom kif togħġob lil Alla u jagħmlu dak li jridu huma. Eżatt bħalma ġara fi żmien Noè, Alla se jeqred “dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 2:5; 3:7.
Kif jurina l-1 Ġwanni 2:17, “id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll.” Dan il-vers jurina li Alla se jeqred lil dawk in-nies li jibqgħu jagħmlu affarijiet ħżiena, u mhux id-dinja li ngħixu fiha, jiġifieri l-art.
Dan meta se jseħħ?
Il-Bibbja ma tgħidilniex eżatt meta. (Mattew 24:36) Però, din turina li t-tmiem hu fil-qrib. Il-Bibbja tgħidilna li se jiġru dawn l-affarijiet:
Se jkun hemm gwerer, ġuħ, mard li jittieħed, u terremoti kbar “f’post wara l-ieħor.”—Mattew 24:3, 7, 14; Luqa 21:10, 11; Rivelazzjoni 6:1-8.
Il-maġġoranza tan-nies se jkunu egoisti. Pereżempju, huma jkunu “jħobbu l-flus,” “ingrati,” u “mingħajr rażna.”—2 Timotju 3:1-5.
Ħafna nies jaqblu li mill-1914, dak li beda jiġri fid-dinja jaqbel maʼ dak li tgħid il-Bibbja u li issa wasalna fl-aħħar. Għal iktar informazzjoni, ara l-artikli “Il-kronoloġija tal-Bibbja x’turi dwar is-sena 1914?” u “X’inhu s-sinjal tal-‘aħħar jiem,’ jew ‘żmien it-tmiem’?”
L-aħħar ktieb tal-Bibbja jgħid li d-dinja se tinqered għalkollox?
Le. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jsemmi “r-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù,” li tirreferi għal meta Ġesù se jiġi bil-qawwa tiegħu bħala sultan biex jeqred lil dawk in-nies li qed jagħmlu l-ħażen u jippremja lil dawk li qed jgħixu ħajjithom kif jixtieq Alla.—2 Tessalonikin 1:6, 7; 1 Pietru 1:7, 13.
Il-ktieb tar-Rivelazzjoni, jew Apokalissi, isemmi affarijiet li se jiġru fil-futur. (Rivelazzjoni 1:1) Dan il-ktieb fih aħbar tajba u messaġġ taʼ tama. (Rivelazzjoni 1:3) Dan juri li Alla se jneħħi l-inġustizzja kollha li hawn u jbiddel id-dinja f’ġenna tal-art. F’dak iż-żmien, in-nies mhux se jgħaddu mit-tbatija u l-uġigħ, u mhux se jkun hemm iżjed mewt.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Tixtieq titgħallem dwar dawn il-wegħdi sbieħ li hemm fil-Bibbja? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova lesti li jistudjaw il-Bibbja miegħek b’xejn biex b’hekk titgħallem iżjed.