Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-​DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Librerija li Toqgħod f’Idejk

Librerija li Toqgħod f’Idejk

1 TAʼ SETTEMBRU 2021

 “Sa ftit ilu, lanqas biss konna nimmaġinaw li nirċievu l-​ikel spiritwali b’mod elettroniku.” Taqbel maʼ dan il-​kliem? Kien parti minn taħdita inkuraġġanti mogħtija minn Geoffrey Jackson fis-​6 Rapport tal-​2020 mill-​Ġemgħa li Tiggverna. Hu kompla: “U issa lanqas biss inkampaw mingħajr affarijiet bħal JW Library f’dan iż-​żmien tal-​pandemija. Mela nistgħu naraw kif Ġeħova kien ilu jippreparana għal xi ħaġa bħal din.”

 Ġeħova kif kien qed jippreparana? X’xogħol sar biex tinħoloq il-​JW Library app, u x’hemm bżonn biex din tibqaʼ taħdem u ssir dejjem aħjar?

L-​Ewwel tat-​Tip Tagħha

 F’Mejju tal-​2013, il-​Ġemgħa li Tiggverna talbet lill-​MEPS Programming, dipartiment tal-​kwartieri ġenerali, biex joħolqu app li tinkludi t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida riveduta. “Sa dakinhar, ma konniex ħriġna app fuq il-​mowbajl fuq xi wieħed mill-​app stores,” jgħid Paul Willies, li jaħdem mal-​MEPS Programming. “Imma għaqqadna team, waqafna naħdmu minn fuq xi ftit proġetti, u ħdimna maʼ dipartimenti oħrajn biex niddisinjaw u nibnu l-​app u l-​kontenut tagħha. Tlabna taʼ spiss, u bl-​għajnuna taʼ Ġeħova ħarġet l-​app fil-​laqgħa annwali ħames xhur wara biss!”

 L-​isfida li kien imiss kienet biex minn app issir librerija taʼ veru li jkun fiha iżjed pubblikazzjonijiet u iżjed lingwi. Sa Jannar 2015, il-​biċċa l-​kbira tal-​pubblikazzjonijiet kurrenti tagħna bl-​Ingliż kienu disponibbli fuq l-​app, u sitt xhur biss wara, kull min ried setaʼ jiddawnlowdja dawn il-​pubblikazzjonijiet b’mijiet taʼ lingwi oħrajn.

 Minn dak iż-​żmien ’l hawn, ħutna tejbu l-​app b’diversi modi. Huma żiedu l-​vidjows, ġabru flimkien il-​pubblikazzjonijiet kollha u l-​midja għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni f’tab waħda, u għamluha possibbli għal min juża l-​app biex ikun jistaʼ jara r-​referenzi tal-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet direttament minn vers tal-​Bibbja.

Librerija li Tibqaʼ Taħdem Sew

 Il-​JW Library tinfetaħ fuq 8 miljun apparat elettroniku kuljum u fuq 15-​il miljun apparat elettroniku kull xahar! X’hemm bżonn biex l-​app tinżamm taħdem sew fuq dan l-​apparat elettroniku kollu? Ħuna Willies jispjega: “App tal-​mowbajl qatt ma tkun lesta. Aħna kontinwament naħdmu fuqha biex inżidulha affarijiet ġodda u biex tkun iżjed t’għajnuna u eħfef għal min jużaha. Peress li l-​operating systems għall-​mobiles u tablets jiġu aġġornati spiss, hemm bżonn li aħna naġġustaw l-​app kontinwament biex tkompli taħdem fuqhom. Aħna rridu wkoll li s-​software intern tagħna jkompli jaħdem sew u naġġornawh peress li l-​ammont taʼ pubblikazzjonijiet u rikordings disponibbli fuq JW Library ikompli jiżdied!” Jekk ngħoddu l-​verżjonijiet tal-​lingwi kollha, bħalissa hemm xi 200,000 pubblikazzjoni u ’l fuq minn 600,000 rikording bl-​awdjo u l-​vidjow disponibbli fuq il-​JW Library!

 Sabiex inkomplu nappoġġjaw din l-​app hemm bżonn taʼ iktar affarijiet mill-​apparat tal-​kompjuter. Wieħed irid iħallas biex juża ċerti programmi tal-​kompjuter. Liċenzja waħda tiswa madwar €1,300 kull sena. Flimkien maʼ dan, il-​MEPS Programming jonfoq madwar €9,000 fis-​sena fuq kompjuters, tablets, u mowbajls ġodda taʼ diversi manifatturi biex ikun żgur li l-​app se tkompli taħdem sew fuqhom.

Flus Iffrankati Permezz tad-​Downloads

 Il-​JW Library naqqset sostanzjalment l-​infiq fuq l-​istampar, l-​illegar, u t-​trasport tal-​letteratura. Pereżempju, ikkunsidra l-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum. Aħna stampajna kważi 12-​il miljun kopja taʼ Neżaminaw l-​Iskrittura2013. Imma għall-​edizzjoni tal-​2020, stampajna biss xi ħames miljun ktejjeb—għalkemm kellna xi 700,000 pubblikatur iżjed mad-​dinja kollha. Għala kien hemm din il-​bidla? Ħafna minn ħutna issa jaqraw it-​test tal-​ġurnata fuq il-​JW Library. a

”Veru M’Hemmx Prezzha”

 Il-​JW Library tgħin ukoll lil dawk li jużawha b’diversi modi. Geneviève, li toqgħod il-​Kanada, tħoss li permezz tal-​app issa saret tistudja iżjed b’mod regolari. Hi tammetti: “Onestament, kieku kelli noħroġ mazz kotba biex nistudja ma naħsibx li kont nistudja kull filgħodu. Imma bl-​app naqbad it-​tablet u jkolli kull m’għandi bżonn hemm. Dan l-​istudju regolari saħħaħli l-​fidi tiegħi u rsaqt eqreb lejn Ġeħova.”

Geneviève

 L-​app uriet li kienet speċjalment t’għajnuna matul il-​pandemija tal-​COVID-​19. Charlyn, mill-​Istati Uniti, tispjega: “Minħabba l-​imxija bla rażan madwar id-​dinja tal-​COVID-​19, lanqas pubblikazzjoni stampata waħda li tkun għadha kif ħarġet ma rajt għal iktar minn sena. Imma l-​JW Library tatna dak li għandna bżonn biex il-​fidi tagħna tibqaʼ b’saħħitha, u nirringrazzja lil Ġeħova għal dan il-​provvediment taʼ mħabba.”

 Ħafna nies iħossuhom bħal Faye, li tgħix fil-​Filippini. Hi tgħid: ”Jien nuża din l-​app meraviljuża biex nibqaʼ qrib taʼ Ġeħova. L-​ewwel ħaġa kull filgħodu minn fuqha naqra. Lilha nismaʼ waqt li nagħmel il-​faċendi. Lilha nuża biex nistudja għal-​laqgħa. Lilha nuża biex nipprepara għall-​istudju tal-​Bibbja tiegħi. Meta jkolli ftit ħin liberu, nara l-​vidjows minn fuqha. U meta nkun f’xi kju, naqra xi artikli jew il-​Bibbja minn fuqha wkoll. Veru m’hemmx prezzha.”

 L-​app kienet t’għajnuna kbira wkoll fil-​ministeru. Pereżempju, waqt l-​ippritkar, oħt fil-​Kamerun riedet tuża skrittura li rat lil oħt oħra tuża xi ġimgħat qabel. Imma ma setgħetx tiftakar il-​vers. Hi tispjega: “Fortunatament, ftakart frażi minnu. Ftaħt l-​app, mort fil-​Bibbja, u fittixt il-​frażi. Mill-​ewwel sibt l-​iskrittura. Permezz tal-​app nistaʼ nsib ħafna versi li kultant ninsa.”

 Id-​donazzjonijiet tagħkom mogħtijin b’qalb tajba billi użajtu l-​metodi mniżżlin fuq donate.dan124.com għenuna niżviluppaw, inħaddmu, u ntejbu l-​app tal-​JW Library għal ħutna madwar id-​dinja. Grazzi tal-​ġenerożità tagħkom.

Ġrajjiet Importanti tal-​JW Library

  1. Ottubru 2013—L-​app ħarġet ir-​reviżjoni bl-​Ingliż tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida

  2. Jannar 2015—Pubblikazzjonijiet oħra saru disponibbli bl-​Ingliż, imbagħad b’mijiet taʼ lingwi oħrajn

  3. Novembru 2015—Sar possibbli li tagħmel highlight tal-​kliem

  4. Mejju 2016—Żdiedet it-​tab tal-​laqgħat

  5. Mejju 2017—Sar possibbli li tikteb in-​noti

  6. Diċembru 2017—Ġew miżjudin noti tal-​istudju, referenzi, stampi, u vidjows biex jintużaw flimkien mal-​iStudy Bible

  7. Marzu 2019—Sar possibbli li tiddawnlowdja rikordings bl-​awdjo, li tara vidjows, u żdied l-​aċċess għar-​referenzi tal-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet

  8. Jannar 2021—Żdiedu features aħjar għall-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

a Kull download mill-​app tal-​JW Library tiswa ammont żgħir taʼ flus. Pereżempju, is-​sena l-​oħra nfaqna ’l fuq minn €1,300,000 biex nipprovdu streaming u downloads mill-​jw.org u għall-​app tal-​JW Library. Xorta waħda, jiswa bil-​wisq inqas flus li tiddawnlowdja pubblikazzjonijiet b’mod diġitali u rikordings milli tipproduċi u tibgħat letteratura, CDs, u DVDs.