GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA
Kif tistaʼ turi l-affezzjoni?
Hekk kif jgħaddu s-snin, xi koppji miżżewġin jibdew juru inqas u inqas affezzjoni lejn xulxin. Jekk qed jiġri hekk fiż-żwieġ tiegħek, għandek għalfejn tinkwieta?
Dak li għandek tkun taf
Żwieġ b’saħħtu għandu bżonn l-affezzjoni. Bħalma l-ikel u l-ilma li nieħdu b’mod regolari huma bżonjużi biex inżommu ġisimna b’saħħtu, hekk ukoll l-affezzjoni li tintwera b’mod regolari hija bżonjuża biex iż-żwieġ ikun protett u jissaħħaħ. Anki jekk il-koppja tkun ilha snin twal miżżewġa, ir-raġel u l-mara għandhom bżonn jaċċertaw lil xulxin mill-imħabba u l-interess li għandhom għal xulxin.
Imħabba vera mhix egoista. Din l-imħabba tipprova tagħmel lill-persuna l-oħra ferħana. B’hekk, wieħed ma jurix l-affezzjoni meta jixtieq hu biss, minflok, jekk għandu mħabba mhux egoista se jifhem il-bżonn li juri affezzjoni u jagħmel sforz biex juriha mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ.
Ġeneralment, il-mara jkollha bżonn iktar affezzjoni mir-raġel tagħha. Għandu mnejn li raġel iħobbha ħafna lil martu. Imma jekk juri din l-imħabba fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata biss jew qabel ma jkollhom x’jaqsmu sesswalment biss, il-mara forsi ma tħosshiex ċerta biżżejjed minn kemm żewġha jimpurtah minnha. Ikun ħafna aħjar jekk l-imħabba tintwera spiss matul il-ġurnata.
Dak li tistaʼ tagħmel
Uri l-affezzjoni bil-kliem. Espressjonijiet sempliċi bħal “Inħobbok” jew “M’hawnx bħalek” jistgħu jġiegħlu lill-persuna l-oħra tħossha apprezzata.
Prinċipju Bibliku: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.”—Mattew 12:34.
Suġġeriment: M’hemmx għalfejn turi l-affezzjoni bil-kliem biss. Tistaʼ anki tikteb xi nota, e-mail, jew messaġġ.
Uri l-affezzjoni bl-azzjonijiet. Biex turi li għandek l-affezzjoni meta tgħid “Inħobbok,” tistaʼ anki tgħannaqha, tbusha, jew iżżommilha jdejha. L-affezzjoni tistaʼ tintwera wkoll biż-żegħil, b’tegħmiża, jew b’xi rigal kultant. U xi ngħidu dwar li tgħin lill-mara b’xi affarijiet—forsi bħal li ġġorrilha l-basktijiet, tiftħilha l-bieb, taħsel il-platti, tagħmel xi ħasla ħwejjeġ, jew tipprepara xi ikla? Għal ħafna, dawn mhumiex għajnuna prattika biss, anzi huma affezzjoni li tintwera b’azzjoni!
Prinċipju Bibliku: Aħna “ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ [biss], imma bl-għemil.”—1 Ġwanni 3:18, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Suġġeriment: Ittratta lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ b’qalb tajba bħal meta kontu għarajjes.
Agħmlu l-ħin għal xulxin. Il-fatt li tkunu waħedkom se jgħinkom biex issaħħu ż-żwieġ u biex turu li tieħdu pjaċir bil-kumpanija taʼ xulxin. Ovvjament, forsi hu diffiċli biex issibu ħin waħedkom jekk ikollkom it-tfal jew jekk ikollkom kwistjonijiet importanti x’titkellmu kuljum. Forsi tistgħu tippjanaw li tmorru timxu b’mod regolari—intom it-tnejn biss.
Prinċipju Bibliku: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.
Suġġeriment: Xi koppji li jkollhom ħafna x’jagħmlu jippjanaw ħin biex joħorġu flimkien flgħaxijiet jew biex iqattgħu weekend flimkien bħala koppja.
Kun af sew lill-mara jew ir-raġel tiegħek. Mhux kulħadd iħossu l-istess dwar kemm hemm bżonn li tintwera l-affezzjoni. Tkellmu flimkien dwar kif kull wieħed minnkom jippreferi li tintwerielu l-affezzjoni u jekk hemmx bżonn li tintwera iktar. Imbagħad, agħmel l-almu tiegħek biex tagħmel dan. Ftakar li biex ikollkom żwieġ b’saħħtu għandkom bżonn turu l-affezzjoni.
Prinċipju Bibliku: “L-imħabba . . . ma tfittixx l-interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.
Suġġeriment: Minflok tgerger għax hu jew hi ma turikx biżżejjed affezzjoni, saqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel biex il-persuna l-oħra fiż-żwieġ ikollha iktar affezzjoni lejja?’