Il-Bibbja X’Tgħid Dwar l-Għid?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid mhijiex ibbażata fuq il-Bibbja. Iżda, jekk tfittex fl-istorja tiskopri x’inhu t-tifsir veru tal-Għid—huwa tradizzjoni bbażata fuq riti tal-fertilità taʼ żmien il-qedem. Ikkunsidra dan li ġej.
L-isem: L-Encyclopædia Britannica tgħid: “M’hemmx ċertezza dwar l-oriġini tal-isem bl-Ingliż għall-Għid (Easter); il-qassis Anglo-Sassonu Venerable Bede fit-8 seklu ġab l-isem mill-alla mara Anglo-Sassona tar-Rebbiegħa Eostre.” Xogħlijiet oħrajn taʼ referenza jagħmlu rabta maʼ Astarte, l-alla mara Feniċja tal-fertilità li l-ekwivalenti Babiloniża tagħha kienet Ixtar.
Il-fniek: Dawn huma simboli tal-fertilità “li ġew miċ-ċerimonji tal-qedem u mis-simboliżmu tal-festi pagani tar-rebbiegħa fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani.”—Encyclopædia Britannica.
Il-bajd: Skont Funk & Wagnalls Standard Dictionary of Folklore, Mythology and Legend, it-tfittxija għall-bajd tal-Għid, li jingħad li jinġieb mill-fenek tal-Għid, “mhijiex sempliċement logħob tat-tfal, imma traċċi li fadal mir-riti tal-fertilità.” Xi kulturi kienu jemmnu li l-bajda mżejna tal-Għid “setgħet iġġib il-ferħ, il-prosperità, is-saħħa, u l-protezzjoni b’mod maġiku.”—Traditional Festivals.
Tibdila ġdida tal-Għid: “Kien jitqies bħala diżrispett, u b’hekk iġib l-isfortuna li tilqaʼ lill-alla mara Skandinava tar-Rebbiegħa, jew Eastre, fi kwalunkwe lbies ħlief dak ġdid.”—The Giant Book of Superstitions.
Funzjonijiet taʼ tlugħ ix-xemx: Dawn kellhom rabta mar-riti tal-aduraturi tal-qedem tax-xemx “li kienu jagħmlu r-riti fl-ekwinozju tar-Rebbiegħa biex jilqgħu lix-xemx u l-qawwa kbira tagħha li ġġib ħajja ġdida lil kulma jikber.”—Celebrations—The Complete Book of American Holidays.
The American Book of Days jiddeskrivi sew l-oriġini tal-Għid: “Bla ebda dubju, il-Knisja fiż-żminijiet bikrin tagħha adottat it-tradizzjonijiet qodma u pagani u tathom tifsir Kristjan.”
Il-Bibbja twissi kontra li wieħed iqim lil Alla billi jsegwi tradizzjonijiet jew drawwiet li ma jogħġbuhx. (Marku 7:6-8) It-2 Korintin 6:17 jgħid: “‘Infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.’” L-Għid hu festa pagana u dawk li jixtiequ jogħġbu lil Alla jevitawh.