Ġesù kien miżżewweġ? Ġesù kellu ħutu?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tagħmilha ċara li Ġesù ma kienx miżżewweġ, avolja ma tgħidx dan b’mod speċifiku. a Ikkunsidra dan li ġej.
Il-Bibbja taʼ spiss tirreferi għall-familja taʼ Ġesù u anke nisa li kienu jingħaqdu miegħu fil-ministeru tiegħu u li kienu weqfin ħdejh meta hu ġie maqtul, però qatt ma ssemmi li hu kellu mara. (Mattew 12:46, 47; Marku 3:31, 32; 15:40; Luqa 8:2, 3, 19, 20; Ġwanni 19:25) L-iktar raġuni li tagħmel sens rigward għala l-Bibbja ma tgħid xejn fuq dan is-suġġett hi li hu qatt ma kien miżżewweġ.
Rigward dawk li jibqgħu ma jiżżewġux sabiex ikunu jistgħu jagħmlu aktar fis-servizz t’Alla, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Min jistaʼ [jibqaʼ ma jiżżewwiġx], ħa jagħmel il-wisaʼ għal dan.” (Mattew 19:10-12) Hu ħalla l-eżempju għal dawk li jiddeċiedu li ma jiżżewġux sabiex jiddedikaw lilhom infushom aktar bis-sħiħ lil Alla.—Ġwanni 13:15; 1 Korintin 7:32-38.
Eżatt qabel ma miet, Ġesù rranġa biex xi ħadd jieħu ħsieb lil ommu. (Ġwanni 19:25-27) Li kieku Ġesù kien miżżewweġ jew kellu t-tfal, hu kien jagħmel ċert li dawn il-membri immedjati tal-familja kien ikollhom min jieħu ħsiebhom ukoll.
Il-Bibbja tuża lil Ġesù bħala eżempju għall-irġiel miżżewġa, imma ma tirreferix għal kif hu ttratta ma’ martu letterali. Minflok, hi tgħid: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Li kieku Ġesù kien verament miżżewweġ meta kien fuq l-art, ma kienx jintuża l-eżempju perfett tiegħu bħala raġel miżżewweġ letterali f’dak il-vers?
Ġesù kellu ħutu?
Iva, Ġesù kellu minn tal-inqas sitt aħwa. Dawn jinkludu ħutu subien Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda u minn tal-inqas żewġ aħwa nisa. (Mattew 13:54-56; Marku 6:3) Dawn l-aħwa kienu t-tfal bijoloġiċi t’omm Ġesù, Marija, u r-raġel tagħha, Ġużeppi. (Mattew 1:25) Il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-ewwel imwieled” taʼ Marija, u dan jimplika li kellha aktar tfal.—Luqa 2:7.
Ideat żbaljati dwar ħut Ġesù
Sabiex isaħħu t-twemmin tagħhom li Marija baqgħet verġni tul ħajjitha kollha, xi wħud applikaw tifsiriet differenti għat-terminu “ħutu.” Pereżempju, xi wħud jaħsbu li ħut Ġesù kienu fil-fatt it-tfal taʼ Ġużeppi minn żwieġ taʼ qabel. Però, il-Bibbja turi li Ġesù wiret id-dritt legali li jsaltan li kien imwiegħed lil David. (2 Samwel 7:12, 13; Luqa 1:32) Li kieku Ġużeppi kien missier taʼ subien akbar minn Ġesù, l-akbar wieħed minnhom kien ikun il-werriet legali taʼ Ġużeppi.
Jistaʼ jkun li t-terminu jirreferi għad-dixxipli taʼ Ġesù, jew ħutu spiritwali? Din l-idea mhijiex fi qbil mal-Iskrittura, peress li l-Bibbja tgħid li għal xi żmien “fil-fatt, ħutu ma kinux qed jeżerċitaw il-fidi fih.” (Ġwanni 7:5) Il-Bibbja tagħmel differenza bejn ħut Ġesù u d-dixxipli tiegħu.—Ġwanni 2:12.
Skont teorija oħra, ħut Ġesù kienu fil-fatt il-kuġini tiegħu. Iżda, l-Iskrittura Griega tuża kliem differenti għal “ħu,” “qarib,” u “kuġin.” (Luqa 21:16; Kolossin 4:10) Ħafna studjużi tal-Bibbja jirrikonoxxu li ħut Ġesù kienu ħutu fil-vera sens tal-kelma. Pereżempju, The Expositor’s Bible Commentary jistqarr: “L-iktar mod naturali kif tifhem il-kelma ‘ħutu’ . . . hu li t-terminu jirreferi għal ulied Marija u Ġużeppi, jiġifieri għal ħut Ġesù mill-omm.” b
a Il-Bibbja tirreferi għal Kristu bħala għarus, però l-kuntest jagħmilha ċara li dawn ir-referenzi huma simboliċi.—Ġwanni 3:28, 29; 2 Korintin 11:2.
b Ara wkoll The Gospel According to St. Mark, Second Edition, minn Vincent Taylor, paġna 249, u A Marginal Jew—Rethinking the Historical Jesus, minn John P. Meier, Volume 1, paġni 331-332.