Ġesù huwa s-salvatur tagħna—Kif?
It-tweġiba tal-Bibbja
Meta Ġesù miet, hu ta ħajtu bħala sagrifiċċju tal-fidwa biex isalva l-bnedmin leali. (Mattew 20:28) B’hekk, il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “s-Salvatur tad-dinja.” (1 Ġwanni 4:14) Tgħid ukoll: “F’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni, għax m’hemmx isem ieħor taħt is-sema li ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.”—Atti 4:12.
Ġesù ‘daq il-mewt għal kull bniedem’ li juri fidi fih. (Ebrej 2:9; Ġwanni 3:16) Wara dan, “Alla qajmu mill-imwiet,” u Ġesù reġaʼ lura fis-sema bħala spirtu. (Atti 3:15) Hemmhekk, Ġesù jistaʼ “jsalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-ħniena għalihom.”—Ebrej 7:25.
Għala għandna bżonn li Ġesù jitlob bil-ħniena għalina?
Aħna lkoll midinbin. (Rumani 3:23) Id-dnub jibni ħajt bejnna u bejn Alla u jwassal għall-mewt. (Rumani 6:23) Imma Ġesù jservi bħala “ajjutant,” jew avukat, għal dawk li juru fidi fis-sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa. (1 Ġwanni 2:1) Hu jitlob bil-ħniena f’isimhom lil Alla biex jismaʼ talbhom u jaħfrilhom dnubiethom fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù. (Mattew 1:21; Rumani 8:34) Alla jwieġeb għal dan it-talb bil-ħniena taʼ Ġesù għax huwa fi qbil mar-rieda t’Alla. Alla bagħat lil Ġesù fuq l-art “biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu.”—Ġwanni 3:17.
Li nemmnu b’Ġesù huwa biżżejjed biex insalvaw?
Le. Għalkemm irridu nemmnu b’Ġesù biex insalvaw, hemm iktar involut. (Atti 16:30, 31) Il-Bibbja tgħid: “Bħalma l-ġisem mingħajr l-ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 2:26) Sabiex niġu salvati, irridu:
Nitgħallmu dwar Ġesù u Missieru, Ġeħova.—Ġwanni 17:3.
Inkabbru l-fidi tagħna fihom.—Ġwanni 12:44; 14:1.
Nuru l-fidi tagħna fihom billi nobdu l-kmandamenti tagħhom. (Luqa 6:46; 1 Ġwanni 2:17) Ġesù għallem li mhux kull min isejjaħlu “Mulej” jiġi salvat, imma dawk biss li ‘jagħmlu r-rieda taʼ Missieru li hu fis-smewwiet.’—Mattew 7:21.
Inkomplu nuru fidi minkejja l-isfidi li ngħaddu minnhom. Ġesù ħareġ dal-punt meta qal: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.”—Mattew 24:13.