Il-Bibbja x’tgħid dwar l-alkoħol? Huwa dnub li tixrob?
It-tweġiba tal-Bibbja
Mhuwiex dnub li tixrob l-alkoħol bil-moderazzjoni. Il-Bibbja tiddeskrivi l-inbid bħala għotja mingħand Alla li tistaʼ tagħmel il-ħajja iktar pjaċevoli. (Salm 104:14, 15; Ekkleżjasti 3:13; 9:7) Il-Bibbja tirrikonoxxi wkoll ċerti benefiċċji għas-saħħa li jiġu mill-inbid.—1 Timotju 5:23.
Ġesù xorob inbid meta kien fuq l-art. (Mattew 26:29; Luqa 7:34) F’wieħed mill-mirakli tiegħu li hu magħruf sew, Ġesù biddel l-ilma fi nbid bħala għotja ġeneruża f’festa tat-tieġ.—Ġwanni 2:1-10.
Il-perikli li hemm meta xi ħadd jixrob iżżejjed
Waqt li l-Bibbja ssemmi l-aspetti pożittivi tal-inbid, hi tikkundanna x-xorb żejjed u s-sokor. B’hekk, Kristjan li jagħżel li jixrob l-alkoħol għandu jagħmel dan biss bil-moderazzjoni. (1 Timotju 3:8; Titu 2:2, 3) Il-Bibbja tagħtina diversi raġunijiet biex ma nixorbux iżżejjed.
Dan ifixkel il-mod kif wieħed jaħseb u jirraġuna. (Proverbji 23:29-35) Xi ħadd fis-sakra ma jkunx jistaʼ jobdi l-kmand tal-Bibbja biex ‘jippreżenta ġismu bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tiegħu.’—Rumani 12:1.
Ix-xorb żejjed ineħħi l-mistħija u “l-motiv tajjeb,” jiġifieri l-motiv li wieħed jagħmel dak li hu sewwa.—Ħosea 4:11; Efesin 5:18.
Jistaʼ jwassal għall-faqar u problemi serji taʼ saħħa.—Proverbji 23:21, 31, 32.
Ix-xorb żejjed u s-sokor ma jogħġbux lil Alla.—Proverbji 23:20; Galatin 5:19-21.
Kif tkun taf jekk hux qed tixrob iżżejjed?
Xi ħadd ikun xorob wisq alkoħol meta jpoġġi lilu nnifsu u lil ħaddieħor fil-periklu. Skont il-Bibbja, min jixrob iżżejjed ma jiġix identifikat billi wieħed jintilef minn sensih imma billi ma jkunx jaf x’inhu jagħmel, jixxengel hu u mixi, jargumenta malajr, jew jibda jħawwad fil-kliem. (Ġob 12:25; Salm 107:27; Proverbji 23:29, 30, 33) Anki dawk li jipprovaw ma jiskrux jistgħu ‘jitqalu b’xorb żejjed’ u jesperjenzaw konsegwenzi serji.—Luqa 21:34, 35.
Meta m’għandek tixrob xejn
Il-Bibbja turi wkoll li hemm żmien fejn il-Kristjani m’għandhom jixorbu l-ebda xorb alkoħoliku:
Jekk oħrajn jitfixklu minħabba f’hekk.—Rumani 14:21.
Jekk imur kontra l-liġi tal-pajjiż.—Rumani 13:1.
Jekk dak li jkun ma jkunx jistaʼ jikkontrolla kemm jixrob. Dawk li jiddependu mill-alkoħol jew xħin jixorbu m’għandhomx kontroll kemm jieħdu, għandhom ikunu lesti jieħdu azzjoni drastika.—Mattew 5:29, 30.