Il-Bibbja X’Tgħid dwar li Raġel u Mara Jgħixu Flimkien Mingħajr Ma Jkunu Miżżewġin?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja tgħid li Alla jrid li n-nies ‘jitbiegħdu miż-żína,’ jew, l-immoralità sesswali. (1 Tessalonikin 4:3) Bħalma hu użat fil-Bibbja, it-terminu “żína,” jew, immoralità sesswali, jinkludi l-adulterju, atti omosesswali, u sess bejn raġel u mara li mhumiex miżżewġin.
Alla għala jimpurtah jekk il-koppji jiżżewġux jew le?
L-arranġament taż-żwieġ ġej mingħand Alla. Hu stabbilieh meta għaqqad lill-ewwel koppja umana flimkien. (Ġenesi 2:22-24) Hu ma riedx li raġel u mara jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin.
Alla jaf x’inhu l-aħjar għall-bnedmin. Hu ħalaq iż-żwieġ biex ikun għaqda permanenti bejn raġel u mara, u din kellha tkun taʼ benefiċċju u protezzjoni għall-membri kollha tal-familja. Ejja naraw tixbiha sempliċi. Meta tixtri biċċa għamara, l-istruzzjonijiet tal-manifattur juruk kif għandek tgħaqqadha. Bl-istess mod, l-istruzzjonijiet li jagħtina Alla jgħidulna kif jistaʼ jkollna familja magħquda. Jekk in-nies jgħixu skont dak li Alla jqis li hu tajjeb jew ħażin, se jkun għall-ġid tagħhom.—Isaija 48:17, 18.
Is-sess barra ż-żwieġ jistaʼ jkollu konsegwenzi serji. Pereżempju, jistaʼ jirriżulta fi tqala mhix mixtieqa, f’mard trasmess sesswalment, u f’ansjetà.
Alla ta l-abbiltà lill-irġiel u n-nisa biex ikollhom it-tfal permezz tas-sess. Alla jqis il-ħajja bħala xi ħaġa sagra, u għalhekk l-abbiltà biex in-nies iġibu t-tfal fid-dinja hija rigal prezzjuż. Alla jrid li nittrattaw dan ir-rigal b’rispett billi nużaw l-arranġament tiegħu taż-żwieġ kif irid hu.—Ebrej 13:4.
Xi ngħidu dwar li raġel u mara jgħixu flimkien qabel jiżżewġu biex jaraw jekk jaqblux?
Li koppja tgħix flimkien għal xi żmien u ma tkunx marbuta mhix is-sigriet għal suċċess fiż-żwieġ. Minflok, ir-relazzjonijiet jirnexxu meta kemm ir-raġel u kemm il-mara jkunu determinati li jibqgħu leali lejn xulxin u jaħdmu flimkien biex jegħlbu l-problemi. a Iż-żwieġ isaħħaħ id-determinazzjoni li tnejn jibqgħu leali lejn xulxin.—Mattew 19:6.
Il-koppji kif jistaʼ jkollhom żwieġ b’saħħtu?
M’hemm l-ebda żwieġ perfett. Madankollu, il-koppji jistaʼ jkollhom żwieġ hieni billi japplikaw il-pariri tal-Bibbja. Ara l-eżempji li ġejjin:
Ħu ħsieb il-bżonnijiet tar-raġel jew il-mara tiegħek qabel tiegħek stess.—1 Korintin 7:3-5; Filippin 2:3, 4.
Ħobbu u rrispettaw iktar lil xulxin.—Efesin 5:25, 33.
Tgħallem ikkontrolla dak li tgħid.—Proverbji 12:18.
Kun paċenzjuż u ħafif biex taħfer.—Kolossin 3:13, 14.
a Ara l-artiklu “Familji li jirnexxu—Kunu determinati li tibqgħu fiż-żwieġ.”