Meta se tispiċċa d-dinja?
It-tweġiba tal-Bibbja
Biex inkunu nafu meta se tispiċċa d-dinja, hu importanti li l-ewwel nifhmu kif il-Bibbja tuża l-kelma “dinja.” Il-kelma Griega kosmos, li normalment tiġi tradotta “dinja,” ħafna drabi tirreferi għall-umanità, b’mod partikulari għal dawk li ma jgħixux fi qbil mar-rieda t’Alla. (Ġwanni 15:18, 19; 2 Pietru 2:5) Xi drabi, kosmos tirreferi għall-bażi tas-soċjetà umana, inkluż is-sistema kummerċjali, politika, u reliġjuża tagħha.—1 Korintin 7:31; 1 Ġwanni 2:15, 16. a
X’inhu “tmiem id-dinja”?
Il-frażi “tmiem id-dinja,” li tidher f’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja, tistaʼ wkoll tfisser il-“konklużjoni tas-sistema.” (Mattew 24:3; Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Din ma tirreferix għall-qerda tad-dinja jew tal-umanità kollha, imma għat-tmiem tan-nies li ma jridux jaqdu lil Alla.—1 Ġwanni 2:17.
Il-Bibbja tgħallem li “dawk li jagħmlu l-ħażen se jitqaċċtu ’l barra” biex in-nies tajbin ikunu jistgħu jgawdu l-ħajja fuq l-art. (Salm 37:9-11) Din il-qerda se seħħ fit-‘tribulazzjoni l-kbira,’ u se tilħaq il-quċċata tagħha fil-gwerra taʼ Armageddon.—Mattew 24:21, 22; Rivelazzjoni 16:14, 16.
Meta se tispiċċa d-dinja?
Ġesù qal: “Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.” (Mattew 24:36, 42) Hu żied jgħid li t-tmiem ħa jiġi bla mistenni, “f’siegħa li ma tistennewhiex.”—Mattew 24:44.
Għalkemm ma nistgħux inkunu nafu eżatt il-jum u s-siegħa, Ġesù pprovda “sinjal” kompost, jew sensiela taʼ ġrajjiet, li kien se jidentifika l-perijodu taż-żmien li kellu jwassal għat-tmiem tad-dinja. (Mattew 24:3, 7-14) Il-Bibbja tirreferi għal dan il-perijodu bħala “żmien it-tmiem,” “saż-żmien taʼ l-aħħar,” u “fl-aħħar jiem.”—Danjel 12:4; GħBM; 2 Timotju 3:1-5.
Se jibqaʼ xi ħaġa wara li tispiċċa d-dinja?
Iva. L-art xorta se tibqaʼ hawn, għax il-Bibbja tgħid li “din qatt u qatt ma se titħarrek.” (Salm 104:5) U l-art se tkun mimlija bin-nies, bħalma twiegħed il-Bibbja: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Alla se jerġaʼ jġib lura l-kundizzjonijiet fuq l-art bħalma kien l-iskop tiegħu fil-bidu:
Ġenna tal-art.—Isaija 35:1; Luqa 23:43.
Sigurtà u prosperità.—Mikea 4:4.
Xogħol siewi u sodisfaċenti għal kulħadd.—Isaija 65:21-23.
Ħelsien mill-mard u x-xjuħija.—Ġob 33:25; Isaija 33:24.
a Il-kelma Griega ajon ukoll hija tradotta f’ċerti Bibbji bħala “dinja.” Meta tintuża b’dan il-mod, ajon għandha tifsira simili għal kosmos għax tirreferi għall-bażi tas-soċjetà umana.