X’Inhi r-Rieda t’Alla Għalija?
It-tweġiba tal-Bibbja
Alla jridek issir tafu bħala Persuna, tersaq qrib lejh, u mbagħad tħobbu u taqdih b’qalbek kollha. (Mattew 22:37, 38; Ġakbu 4:8) Tistaʼ titgħallem kif tagħmel dak li jrid Alla mill-ħajja u mit-tagħlim taʼ Ġesù. (Ġwanni 7:16, 17) Ġesù mhux biss tkellem dwar ir-rieda t’Alla imma għamilha tul ħajtu. Fil-fatt, Ġesù qal li l-iskop tiegħu fil-ħajja ma kienx “biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 6:38.
Għandi bżonn xi sinjal, viżjoni, jew sejħa speċjali biex inkun naf x’inhi r-rieda t’Alla għalija?
Le, għax il-Bibbja fiha l-messaġġ t’Alla lill-bnedmin. Fiha kulma għandek bżonn biex tkun “armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:16, 17) Alla jridek tuża l-Bibbja flimkien mal-“qawwa tar-raġuni” tiegħek biex titgħallem x’inhi r-rieda tiegħu għalik.—Rumani 12:1, 2; Efesin 5:17.
Nistaʼ tassew nagħmel ir-rieda t’Alla?
Iva, tistaʼ għax il-Bibbja tgħid: “Il-kmandamenti tiegħu [t’Alla] m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Ma jfissirx li hu dejjem faċli li tobdi l-kmandamenti t’Alla. Imma l-benefiċċji li tikseb jisbqu bil-kbir l-isforz li trid tagħmel. Ġesù nnifsu qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:28.