Il-Bibbja tgħallem dwar ir-riinkarnazzjoni?
It-tweġiba tal-Bibbja
Le. La l-kelma “riinkarnazzjoni” u lanqas l-idea ma tidher fil-Bibbja. It-twemmin fir-riinkarnazzjoni hu bbażat fuq it-tagħlim tal-immortalità tar-ruħ. a Madankollu, il-Bibbja tgħallem li r-ruħ hi l-persuna kollha kemm hi, u b’hekk hija mortali. (Ġenesi 2:7, nota taʼ taħt; Eżekjel 18:4) Mal-mewt, persuna ma tibqax teżisti.—Ġenesi 3:19; Ekkleżjasti 9:5, 6.
X’inhi d-differenza bejn ir-riinkarnazzjoni u l-irxoxt?
It-tagħlim tal-Bibbja tal-irxoxt mhuwiex ibbażat fuq l-immortalità tar-ruħ. Fl-irxoxt, nies li mietu se jinġiebu lura għall-eżistenza bil-qawwa t’Alla. (Mattew 22:23, 29; Atti 24:15) L-irxoxt joffri t-tama pożittiva li l-bnedmin jiġu lura f’art ġdida bil-prospett li ma jerġgħu jmutu qatt.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4.
Ideat żbaljati dwar ir-riinkarnazzjoni u l-Bibbja
Idea żbaljata: Il-Bibbja tgħid li l-profeta Elija kien riinkarnat bħala Ġwanni l-Battista.
Fatt: Alla bassar: “Qed nibagħtilkom lil Elija l-profeta,” u Ġesù wera li Ġwanni l-Battista wettaq din il-profezija. (Malakija 4:5, 6; Mattew 11:13, 14) Madankollu, dan ma fissirx li Elija kien riinkarnat bħala Ġwanni l-Battista. Ġwanni nnifsu qal li hu ma kienx Elija. (Ġwanni 1:21) Minflok, Ġwanni għamel xogħol bħal dak t’Elija, li jxandar il-messaġġ t’Alla u jħeġġeġ lin-nies jindmu. (1 Slaten 18:36, 37; Mattew 3:1) Ukoll, Ġwanni ta prova li kien “mimli bl-ispirtu u l-qawwa taʼ Elija.”—Luqa 1:13-17, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Idea żbaljata: Il-Bibbja tirreferi għar-riinkarnazzjoni bħala “twelid mill-ġdid.”
Fatt: Il-Bibbja turi li twelid mill-ġdid hu twelid mill-ġdid spiritwali li jseħħ waqt li persuna tkun għadha ħajja. (Ġwanni 1:12, 13) Dan it-twelid mill-ġdid mhuwiex konsegwenza tal-azzjonijiet tal-passat li ma tistax tiġi evitata, imma barka mingħand Alla li tagħti lil dawk li jirċivuha tama unika għall-futur.—Ġwanni 3:3; 1 Pietru 1:3, 4.
a It-twemmin tal-immortalità tar-ruħ u tar-riinkarnazzjoni jmur lura għal żmien Babilonja tal-qedem. Iktar tard, filosfi Indjani vvintaw it-tagħlim tal-Karma. Skont il-Britannica Encyclopedia of World Religions, il-Karma hi “l-liġi tal-kawża u l-effett, li tgħid li dak li wieħed jagħmel f’din il-ħajja preżenti se jkollu l-effetti tiegħu fil-ħajja li jmiss.”—Paġna 913.