IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
X’għandi nkun naf dwar l-attakki sesswali?—It-2 parti: Kif tistaʼ tħossok aħjar
Kif tistaʼ tegħleb sentimenti taʼ ħtija
Ħafna vittmi tal-abbuż sesswali jħossuhom imbarazzati ferm minħabba dak li jkun ġara. Saħansitra jistgħu jħossu li kien tort tagħhom. Ikkunsidra lil Karen, li issa għandha 19-il sena. Din taʼ 6 snin bdiet tiġi abbużata sesswalment u dan dam għaddej sa meta kellha 13-il sena. “L-iktar ħaġa diffiċli li jkolli nkampa magħha hi l-ħtija,” tgħid hi. “Ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Kif ħallejt l-abbuż jibqaʼ għaddej dak iż-żmien kollu?’”
Jekk tħossok hekk dwar is-sitwazzjoni tiegħek, ikkunsidra dan li ġej:
It-tfal mhumiex preparati la fiżikament u lanqas emozzjonalment għas-sess. Minħabba l-età tagħhom huma ma jafux x’jinvolvi s-sess, u għalhekk mhumiex kapaċi jagħtu l-kunsens tagħhom. Dan ifisser li l-abbuż fuq it-tfal qatt ma jkun tort tat-tfal.
It-tfal għandhom it-tendenza li jafdaw l-adulti u minħabba li huma innoċenti ma jagħrfux it-tattiki taʼ nies mill-agħar, u dan jistaʼ jpoġġi t-tfal fil-periklu. Il-ktieb The Right to Innocence jgħid li dawk li jabbużaw mit-tfal tassew jafu jingannaw lil dak li jkun, u t-tfal ma jistgħux iħabbtuha mal-manipulazzjoni makakka tagħhom.
It-tfal jistgħu jesperjenzaw tqanqil sesswali waqt li jkunu qed jiġu abbużati. Jekk dan ġara lilek, kun af li l-ġisem jirreaġixxi b’dan il-mod awtomatikament meta jintmess b’ċertu mod. Ma jfissirx li int kont kapaċi tagħti l-kunsens tiegħek għall-abbuż jew li int għandek xi tort.
Suġġeriment: Aħseb f’xi tifel, jew tifla, li taf u li issa għandu l-età li kellek int meta kont tiġi abbużat. Staqsi lilek innifsek, ‘Li kieku dan it-tifel kellu jiġi abbużat, ikun sewwa li jinżamm responsabbli?’
Karen irraġunat fuq dan il-punt tal-aħħar meta qagħdet babysitter maʼ tlett itfal, u wieħed minnhom kellu kważi sitt snin—l-età li kellha Karen meta bdiet tiġi abbużata. Karen tgħid, “Indunajt kemm hu vulnerabbli tifel taʼ dik l-età—kemm kont vulnerabbli jien taʼ dik l-età.”
Fatt: Dak li jabbuża hu responsabbli għall-abbuż. Il-Bibbja tgħid: “Il-ħażen tal-ħażin jiġi fuqu stess,” jew ikollu jagħti kont hu biss għalih.—Eżekjel 18:20.
L-importanza taʼ li tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd
Jekk titkellem m’adult fdat dwar l-abbuż jistaʼ jgħinek tħossok aħjar. Il-Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.
Huwa raġunevoli li forsi tħoss li qed tipproteġi ruħek jekk ma titkellimx dwar dak li ġara. Forsi s-silenzju sar bħal ħajt li bnejt biex iħarsek minn iktar uġigħ. Iżda kkunsidra li dak il-ħajt li bnejt biex jgħinek ma tweġġax jistaʼ wkoll ikun qed iwaqqfek milli ssib l-għajnuna.
Żagħżugħa jisimha Janet ħasset serħan kbir meta tkellmet dwar l-abbuż li għaddiet minnu. “Jien ġejt abbużata meta kont żgħira ħafna minn xi ħadd li kont naf u nafda, u żammejt kollox ġo fija għal snin sħaħ,” tgħid hi. “Imma xħin fl-aħħar ftaħt qalbi m’ommi dwar dan, ħassejt bħallikieku kien tneħħa toqol kbir minn fuqi.”
Meta tħares lura, Janet tistaʼ tifhem għala xi wħud iżommu lura milli jiftħu qalbhom maʼ xi ħadd. “L-abbuż hu suġġett diffiċli ħafna biex titkellem dwaru,” tgħid hi. “Imma fil-każ tiegħi, l-uġigħ li ħassejt għax kont qed inżomm kollox ġo fija ma kienx qed jagħmilli ġid. Għalija kien aħjar li niffaċċja l-kwistjoni malajr kemm jistaʼ jkun.”
‘Żmien taʼ fejqan’
L-abbuż forsi ħalliek b’ideat żbaljati u taʼ wġigħ dwarek innifsek—pereżempju, li int qatt ma se terġaʼ tħossok normali u li ma tiswa għalxejn jew li int teżisti biss biex tpaxxi lil oħrajn sesswalment. Issa għandek l-opportunità li tegħleb gideb bħal dan u li tibbenefika minn ‘żmien taʼ fejqan.’ (Ekkleżjasti 3:3) X’jistaʼ jgħinek f’dan?
Studju tal-Bibbja. Il-Bibbja fiha l-ħsibijiet t’Alla, li huma ‘qawwijin biex iwaqqgħu affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod’—inkluż raġunar ħażin bħal li ma tiswa għalxejn. (2 Korintin 10:4, 5) Pereżempju, aqra u aħseb dwar l-iskritturi li ġejjin: Isaija 41:10; Ġeremija 31:3; Malakija 3:16, 17; Luqa 12:6, 7; 1 Ġwanni 3:19, 20.
It-talb. Meta jaħkmuk sentimenti taʼ ħtija jew tħoss li ma tiswa għalxejn, “ixħet toqlok fuq Ġeħova” fit-talb. (Salm 55:22) Qatt m’inti waħdek!
L-anzjani tal-kongregazzjoni. Dawn l-irġiel Kristjani huma mħarrġin biex ikunu “bħal post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita.” (Isaija 32:2) Jistgħu jgħinuk tikseb ħarsa bilanċjata lejk innifsek u tkompli għaddej b’ħajtek.
Sħubija tajba. Innota rġiel u nisa li huma eżemplari fil-ħajja Kristjana tagħhom. Ara kif jittrattaw lil xulxin. Maż-żmien, int se tirrealizza li mhux kulħadd juża l-influwenza tiegħu biex jabbuża minn dawk li jsostni li jħobb.
Żagħżugħa jisimha Tanya qed titgħallem din il-lezzjoni vitali. Minn meta kienet żgħira ħafna, hi ġiet trattata bħala oġġett sesswali minn diversi rġiel. “L-irġiel li kont qrib tagħhom kollha weġġgħuni,” tgħid hi. Imma, maż-żmien, Tanya rrealizzat li jeżistu rġiel li juru mħabba ġenwina. Kif rat dan?
Hekk kif bdiet tagħmilha maʼ koppja miżżewġa li kienu eżemplari fil-ħajja Kristjana tagħhom, il-ħarsa taʼ Tanya nbidlet. “Mill-azzjonijiet tar-raġel stajt nara li mhux l-irġiel kollha huma abbużivi,” tgħid hi. “Ir-raġel ipproteġa lil martu, eżatt kif ried Alla.” a—Efesin 5:28, 29.
a Jekk int qed tkampa maʼ xi problemi bħal dipressjoni kronika, problemi konnessi mal-ikel, abbuż tad-droga, nuqqas taʼ rqad, jew qed tweġġaʼ lilek innifsek u saħansitra qed taħseb li tagħmel suwiċidju, ikun għaqli li tfittex l-għajnuna taʼ tabib kwalifikat.