IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Tagħmel differenza liema mużika nagħżel li nismaʼ?
“Meta nkun qed inlesti, nixgħel id-diski. Meta nidħol fil-karozza, nixgħel id-diski. Meta nkun id-dar qed nirrilassa, innaddaf, u saħansitra naqra—dejjem bil-mużika għaddejja. Jien il-ħin kollu nismaʼ d-diski.”—Carla.
Tħobb int il-mużika bħalma tħobbha Carla? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu se jgħinek tgawdi l-benefiċċji, tevita l-perikli, u tagħżel il-mużika tiegħek bil-għaqal.
Il-benefiċċji
Li tismaʼ l-mużika jistaʼ jitqabbel mal-ikel. Jekk tiekol ikel tajjeb u tieħu kemm hu xieraq jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik. L-istess bil-mużika. Ikkunsidra:
Il-mużika tistaʼ tgħinek biex ikollok burdata aħjar.
“Meta jkolli ġurnata ħażina, nitfaʼ d-diski li jogħġbuni u kważi mill-ewwel inħossni aħjar.”—Mark.
Il-mużika tistaʼ tieħdok lura fiż-żmien.
“Spiss, diska partikulari tfakkarni f’memorja sabiħa, allura nieħu pjaċir biha kull darba li nismagħha.”—Sheila.
Il-mużika tistaʼ toħloq atmosfera li tgħaqqad.
“Jien kont f’konvenzjoni internazzjonali tax-Xhieda taʼ Ġeħova u hekk kif dawk kollha preżenti kantaw l-aħħar għanja, qabiżli d-dmugħ. Nitkellmu b’lingwi differenti, imma l-mużika għaqqditna.”—Tammy.
Il-mużika tistaʼ tgħinek tiżviluppa kwalitajiet importanti.
“Li titgħallem iddoqq strument mużikali jgħinek biex tiżviluppa d-dixxiplina u l-paċenzja. Mhix xi ħaġa li titgħallimha kif ġieb u laħaq. L-unika mod biex iddoqq aħjar hu permezz tal-prattika.”—Anna.
Kont taf? L-itwal ktieb tal-Bibbja—is-Salmi—fih 150 għanja.
Il-perikli
Xi mużika, bħal ikel ħażin, tistaʼ tkun velenuża. Ara għala.
Ħafna kliem tad-diski hu espliċitu dwar is-sess.
“Donnu d-diski popolari kollha huma dwar is-sess. Lanqas biss għadhom jipprovaw jagħmlu l-affarijiet bil-moħbi.”—Hannah.
Il-Bibbja tgħid: “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-żína u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba.” (Efesin 5:3) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-mużika li nismaʼ żżommni lura milli nobdi din it-twissija?’
Xi mużika tistaʼ tqabbdek id-dwejjaq.
“Xi kultant inkun imqajma billejl u nismaʼ mużika li ġġegħelni naħseb dwar affarijiet li jġibuli dwejjaq u niket. Mużika taʼ dwejjaq tistaʼ ġġiblek ħafna ħsibijiet koroh.”—Tammy.
Il-Bibbja tgħid: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek.” (Proverbji 4:23) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-mużika li nismaʼ ġġegħelni naħseb dwar affarijiet negattivi?’
Xi mużika tistaʼ tqanqal rabja.
“Mużika li tqanqal ir-rabja, il-mibegħda, u li ġġiegħlek tobgħod lilek innifsek hi periklu sottili għalija. Innotajt li tagħmel differenza fil-burdata tiegħi meta nismaʼ din it-tip taʼ mużika. Anki l-familja tiegħi nnotatu dan.”—John.
Il-Bibbja tgħid: ‘Warrbuhom kollha, il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen minn fommkom.’ (Kolossin 3:8) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-mużika li nismaʼ tagħmilni aggressiv, jew saħansitra li lanqas biss jimpurtani mis-sentimenti t’oħrajn?’
Il-konklużjoni? Kun selettiv. Żagħżugħa jisimha Julie hekk tipprova tagħmel. “Jien spiss nara x’diski għandi u nħassar kull waħda li ninduna li mhix xierqa,” tgħid hi. “Mhux dejjem faċli, imma naf li hekk għandi nagħmel.”
Żagħżugħa jisimha Tara qed titgħallem xi ħaġa simili. Hi tgħid: “Kultant waqt li nkun qed nismaʼ r-radju tiġi diska b’daqqa tajba, imma mbagħad nismaʼ l-kliem u ninduna li għandi nbiddel l-istazzjon. Dan inqabblu maʼ pasta vera tajba li wara li nieħu l-ewwel gidma ma nkunx nistaʼ nkompli nikolha. Imma jekk jien determinata li ma nismax diska dwar is-sess, x’aktarx li se nkun determinata biex ma nagħmilx is-sess qabel iż-żwieġ. Ma rridx nieħu ħafif ħafif l-effett li l-mużika tistaʼ tħalli fuqi.”