Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Għala dejjem niżbalja meta nitkellem?

Għala dejjem niżbalja meta nitkellem?

 “Ġieli nkun nistaʼ nikkontrolla lsieni, imma drabi oħra moħħi jkun qisu mhux jaħdem għax ilsieni jkompli jgħid bla kontroll!”—James.

 “Meta nkun ansjuża, nitkellem mingħajr ma naħsibha, u meta nkun rilassata npaċpaċ iżżejjed. Allura tistaʼ tgħid li dejjem ngħaxxaqha.”—Marie.

 Il-Bibbja tgħid: “L-ilsien hu nar” u, “Kif jaqbad bosk sħiħ b’daqsxejn nar!” (Ġakbu 3:5, 6) Tidħol spiss fl-inkwiet minħabba dak li tgħid? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek.

 Għala ngħid dak li m’għandix ngħid?

 L-imperfezzjoni. Il-Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, dan ikun raġel perfett.” (Ġakbu 3:2) Peress li aħna imperfetti, faċli li nitfixklu meta nimxu imma faċli wkoll li ngħidu xi ħaġa li m’għandniex ngħidu.

 “Ladarba moħħi imperfett u lsieni imperfett, inkun qed nidħaq bija nnifsi jekk ngħid li għandi kontroll perfett fuqhom.”—Anna.

 Li titkellem iżżejjed. Il-Bibbja tgħid: “Fl-abbundanza tal-kliem, in-nuqqasijiet ma jonqsux.” (Proverbji 10:19) Nies li jitkellmu żżejjed u li ftit li xejn jisimgħu lil ħaddieħor, iktar għandhom ċans li joffendu lil oħrajn billi jiżbaljaw f’dak li jgħidu.

 “L-iktar nies intelliġenti f’kamra ma jkunux dejjem dawk li jkunu qed jitkellmu. Ġesù kien l-iktar persuna intelliġenti li qatt kien hawn fuq l-art, imma xi drabi hu baqaʼ sieket.”—Julia.

 Is-sarkażmu. Il-Bibbja tgħid: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” (Proverbji 12:18) Eżempju wieħed taʼ li titkellem mingħajr ma taħsibha hu s-sarkażmu, li tgħid kliem li jweġġaʼ u li jċekken lil ħaddieħor. Nies li jużaw is-sarkażmu għandhom mnejn jgħidu, “Niċċajta kont ta!” Imma li numiljaw lil oħrajn mhijiex xi ħaġa tad-daħq. Il-Bibbja tgħidilna biex inwarrbu t-“tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.”—Efesin 4:31.

 “Jien nieħu pjaċir indaħħaq u spiss ngħaddi xi kumment. Imma dan iwassal għal sarkażmu u spiss idaħħalni fl-inkwiet.”—Oksana.

Bħalma ma tistax iddaħħal lura t-toothpaste wara li jkun ħareġ, ma tistax tieħu lura xi ħaġa li tkun għedt

 Nikkontrolla lsieni

 Li titgħallem tikkontrolla lsienek jistaʼ ma jkunx faċli, imma l-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk. Pereżempju, ikkunsidra dan li ġej.

 “Tkellmu f’qalbkom, . . . u ibqgħu siekta.”—Salm 4:4.

 Xi kultant, l-aqwa ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li ma tgħid xejn. “Meta nkun irrabjata nħossni mod, imma iktar tard nistaʼ nħossni mod ieħor,” tgħid żagħżugħa li jisimha Laura. “Wara li nikkalma, ħafna drabi nħossni ferħana li nkun gdimt ilsieni.” Anke li tieqaf għal ftit sekondi jistaʼ jgħinek biex ma tiżbaljax.

 “Mhux il-widna tiżnu l-kliem bħalma s-saqaf tal-ħalq itiegħem l-ikel?”—Ġob 12:11.

 Int tistaʼ tevita ħafna inkwiet jekk qabel tgħid xi ħaġa tistaqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet:

  •   Veru dak li ħa ngħid? Hu pożittiv jew bżonjuż?—Rumani 14:19.

  •   Kif inħossni kieku xi ħadd jgħid hekk lili?Mattew 7:12.

  •   Inkun qed nuri rispett lejn kif il-persuna l-oħra taħsibha?—Rumani 12:10.

  •   Hu l-waqt it-tajjeb biex nitkellem?—Ekkleżjasti 3:7.

 ‘B’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom.’—Filippin 2:3.

 Dan il-parir se jgħinek tibda taħseb b’mod tajjeb dwar ħaddieħor, u se jgħinek iżżomm lura u taħseb qabel titkellem. Anke jekk ikun tard wisq u tkun għedt xi ħaġa li tweġġaʼ, l-umiltà se tgħinek biex tiskuża ruħek, u tagħmel dan kemm jistaʼ jkun malajr! (Mattew 5:23, 24) Imbagħad, kun determinat li tipprova tikkontrolla lsienek aħjar.