Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif Nistaʼ Nlaħħaq mal-Homework?

Kif Nistaʼ Nlaħħaq mal-Homework?

 “Vera niddejjaq meta ndum imqajjem sas-1 taʼ filgħodu nagħmel il-homework. L-unika ħaġa li jkolli aptit nagħmel hu li nidħol norqod.”—David.

 “Ġieli domt nistudja sal-4:30 taʼ filgħodu, imbagħad ikolli nqum għall-iskola fis-6. Tal-biżaʼ!”—Theresa.

 Tħoss li mhux qed tlaħħaq mal-homework? Jekk iva, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek.

 L-għalliema għala jagħtu l-homework?

 Minbarra diversi raġunijiet oħra, il-homework . . .

  •   jgħinek titgħallem iktar

  •   jgħallmek tkun iktar responsabbli

  •   jgħinek tqassam il-ħin tiegħek aħjar u tużah bil-għaqal

  •   jgħinek tifhem u tapplika dak li tkun tgħallimt fil-klassi a

 “Il-homework jgħin lill-għalliema jkunu jafu jekk l-istudenti fehmux dak li jkunu tgħallmu fil-klassi.”—Marie.

 L-iktar suġġetti li jgħinuk titgħallem issolvi l-problemi huma l-maths u s-science. Esperti jgħidu li dawn jgħinu lill-moħħ biex joħloq u jsaħħaħ nervituri ġodda. Allura l-homework qisu eżerċizzju għal moħħok!

 Forsi int ma tarax li l-homework jistaʼ jgħinek f’ħajtek, imma fir-realtà, dan se jgħinek issolvi xi problemi li jkollok. Xi ħaġa taʼ interess hi: Għalkemm ma tistax tnaqqas l-ammont taʼ homework li tingħata, int tistaʼ tnaqqas il-ħin li tieħu biex tlestih. Ejja naraw kif.

 Pariri biex jgħinuk tistudja

 Jekk qed issibha bi tqila biex tlesti l-homework, dawn il-pariri jistgħu jgħinuk tuża ħinek bil-għaqal. Prova dan li ġej.

  •   L-1 parir: Ippjana minn qabel. Il-Bibbja tgħid: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.” (Proverbji 21:5) Ara li jkollok l-affarijiet kollha li għandek bżonn għax dan se jgħinek biex ma taħlix ħin tqum u toqgħod.

     Ukoll, agħżel post li se jgħinek tikkonċentra. Xi wħud jippreferu joqogħdu d-dar f’post kwiet u mdawwal. Oħrajn, jippreferu xi mkien ieħor mhux id-dar, bħal librerija.

     “Li jkollok diary li fih tikteb il-homework li trid tagħmel u meta beħsiebek tagħmlu, jistaʼ jgħinek tqassam il-ħin tiegħek aħjar. Meta żżomm nota tal-affarijiet li trid tagħmel u meta trid tlestihom, se jgħinek tħoss inqas stress.”—Richard.

  •   It-2 parir: Organizza dak li għandek tagħmel. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jsir kollox . . . bl-ordni.” (1 Korintin 14:40) B’dan f’moħħok, iddeċiedi liema homework se tagħmel l-ewwel.

     Xi wħud jippreferu jibdew bl-itqal wieħed. Oħrajn jippreferu jibdew bil-ħafif. Agħżel il-metodu li tħoss li jgħinek u li jagħtik l-iktar sodisfazzjon.

     “Li tagħmel lista tal-affarijiet li għandek tagħmel u f’liema ordni se tagħmilhom jgħin ħafna. B’dal-mod, int tkun fil-kontroll u tkun taf minn fejn se tibda.”—Heidi.

  •   It-3 parir: Ibda mill-ewwel. Il-Bibbja tgħid: “Titnikkrux f’xogħolkom.” (Rumani 12:11) Tħallix affarijiet li tixtieq tagħmel jisirqulek il-ħin li fih suppost tagħmel il-homework.

     Dawk li jħallu għall-aħħar, x’aktarx li ma jlestux dak li għandhom jagħmlu fil-ħin, u l-kwalità tal-homework tagħhom mhux se tkun tajba daqs kemm għandha tkun. Tistaʼ tnaqqas ħafna stress u dwejjaq jekk tibda l-homework mill-ewwel.

     “Meta nagħmel il-homework eżatt wara l-iskola jew nibda proġett eżatt kif nirċivih, jiffrankali li noqgħod ninkwieta li mhux se nlaħħqu fil-ħin, u ma jtellifnix minn affarijiet oħra.”—Serina.

     SUĠĠERIMENT: Agħmel il-homework dejjem fl-istess ħin kuljum. Dan se jgħinek tkun iddixxiplinat miegħek innifsek u tiħodha drawwa li tagħmlu.

  •   Ir-4 parir: Tħalli xejn itellfek. Il-Bibbja tgħid li “għandek tħares fiss quddiemek.” (Proverbji 4:25) Biex tobdi dan il-parir meta tagħmel il-homework, evita affarijiet li jistgħu jtellfuk, l-aktar l-affarijiet diġitali.

     Ħa ddum id-doppju tal-ħin biex tlesti l-homework meta toqgħod fuq l-internet jew tibgħat il-messaġġi. Imma jekk ma tħalli xejn itellfek, x’aktarx se jnaqqaslek l-istress u jgħinek tlesti qabel.

     “Illum minħabba l-mowbajl, il-kompjuter, il-logħob, u t-televixin hu diffiċli tikkonċentra. Jien insibni tajjeb meta nitfi l-mowbajl u dak kollu li jistaʼ jtellifni.”—Joel.

  •   Il-5 parir: Kun bilanċjat. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Meta tkun qed tagħmel il-homework, ħu brejk għax dan inaqqas l-istress. Tistaʼ tmur mixja, issuq ir-rota, jew tiġri ġirja.

     Jekk xorta mhux tlaħħaq minħabba li qed ikollok ruxmata homework, tkellem mal-għalliema tiegħek. Jekk jaraw li int sinċier u li qed tagħmel dak kollu li tistaʼ, għandu mnejn li jiddeċiedu li jgħinuk.

     “Mhux worth it li tħalli l-homework jagħmlek imdejqa u stressata. U tħallihx itellfek il-ferħ. L-importanti hu li tagħmel dak li tistaʼ.”—Julia.

 Saqsi lilek innifsek:

  •   X’affarijiet se jkolli bżonn biex nagħmel il-homework?

  •   Liema hu l-aħjar ħin biex nagħmel il-homework?

  •   Fejn se nkun nistaʼ nikkonċentra l-iktar?

  •   Kif nistaʼ ma nħallihx għall-aħħar?

  •   X’jistaʼ jaljenani?

  •   X’se nagħmel biex ma nħallix affarijiet itellfuni, bħal affarijiet diġitali?

  •   Kif nistaʼ nlesti l-homework mingħajr ma nistressja ruħi?

 TFAKKIRA IMPORTANTI: Meta l-għalliema jagħtuk il-homework ara li tifhem xi trid tagħmel. Jekk għandek mistoqsijiet, staqsi lill-għalliema qabel ma titlaq mill-klassi.

a Dawn il-punti huma meħudin mill-ktieb School Power, taʼ Jeanne Schumm.