IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Għala għandi nagħmel paċi ma’ ħuti?
‘Jiġġieldu imma jħobbu lil xulxin’
Ħafna jgħidu li l-aħwa ‘jiġġieldu imma jħobbu lil xulxin.’ Int tħobbhom, u huma jħobbuk—imma xi kultant ma tkunux tistgħu taqblu. “Ħija li hu iżgħar minni jħobb jiffittani. Hu jaf eżatt x’għandu jgħid jew jagħmel biex iqabbiżhieli!” tgħid Helena li għandha 18-il sena.
Xi argumenti bejn l-aħwa jistgħu jissolvew bi ftit komunikazzjoni u billi jipprovaw jaslu għal ftehim. Pereżempju:
Żewġ aħwa subien li jużaw l-istess kamra għandhom mnejn jargumentaw fuq il-privatezza taʼ xulxin. X’jistgħu jagħmlu? Jitgħallmu jċedu u jagħtu lil xulxin l-ispazju li jkollhom bżonn. Japplikaw il-prinċipju Bibliku li nsibu f’Luqa 6:31.
Żewġ aħwa bniet għandhom mnejn “jissellfu” l-ħwejjeġ taʼ xulxin mingħajr ma jistaqsu. X’għandhom jagħmlu? Jiddiskutuha u jiftiehmu bejniethom. Japplikaw il-prinċipju Bibliku li nsibu fit-2 Timotju 2:24.
Xi kultant, il-problemi bejn l-aħwa jkunu iktar serji u jistaʼ jkollhom konsegwenzi gravi. Ikkunsidra żewġ eżempji mill-Bibbja:
Mirjam u Aron bdew jgħiru għal ħuhom Mosè. Dan wassal għal riżultati traġiċi. Aqra r-rakkont taʼ Numri 12:1-15. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ nevita li ngħir għal ħija jew oħti?’
Ir-rabja taʼ Kajjin kibret sal-punt li spiċċa qatel lil ħuh Abel. Aqra r-rakkont taʼ Ġenesi 4:1-12. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Meta jqumu ċerti sitwazzjonijiet bejni u bejn ħija jew oħti, kif nistaʼ nikkontrolla r-rabja tiegħi?’
Żewġ raġunijiet għala għandek tagħmel paċi
Ikun kemm ikun diffiċli biex taqbel ma’ ħutek, hemm minn tal-inqas żewġ raġunijiet għala għandek tagħmel dan l-isforz.
Turi li qed timmatura. “Qabel, malajr kienet taqbiżli ma’ ħuti l-bniet iżgħar minni,” jgħid żagħżugħ jismu Alex. “Issa sirt iktar paċenzjuż u kalm magħhom. Tistaʼ tgħid li qed nimmatura.”
Il-Bibbja tgħid: “Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment, imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-bluha.”—Proverbji 14:29.
Dan hu trejning tajjeb għall-futur. Jekk ma tistax tittollera l-imperfezzjonijiet taʼ ħutek issa, ’il quddiem kif ħa tkun tistaʼ tittratta mar-raġel jew mal-mara tiegħek, mal-kollegi, mal-imgħallem, jew ma’ kwalunkwe persuna oħra?
Ir-realtà: Jirnexxux jew le r-relazzjonijiet tiegħek fil-futur jiddependi minn kemm se tkun kapaċi tiftiehem u tikkomunika, u m’hemmx post aħjar mill-familja fejn int tistaʼ titgħallem tagħmel dan.
Il-Bibbja tgħid: “Sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi.”—Rumani 12:18.
Tixtieq għajnuna biex tirranġa l-problemi maʼ ħuk jew oħtok? Aqra “Dak li jgħidu dawk tamparek,” u mbagħad ara l-eżerċizzju, “Kif tistaʼ taqbel iktar ma’ ħutek.”