IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif Nistaʼ Ningwalaha mat-Teacher?
Meta ma taqbilx mat-teacher
Kważi kull student għandu teacher li juri l-preferenzi, jistenna ħafna mill-istudenti, jew hu aħrax magħhom.
Luis, li għandu 21 sena, jgħid: “Kelli teacher li spiss kienet tgħid kliem ħażin u ma kinitx tittratta lill-istudenti sew. Hi kienet waslet biex tieqaf u għalhekk ma kinitx tibżaʼ li jkeċċuha mill-iskola.”
Melanie, li għandha 25 sena, tiftakar li t-teacher tagħha ma kinitx tittrattaha bħalma kienet tittratta lil tfal oħrajn. “L-iskuża tagħha kienet minħabba li kelli reliġjon differenti. Hi qalet li kienet qed tippreparani għal meta nikber.”
Jekk ma taqbilx mat-teacher tiegħek, hemm xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex ma jkollokx sena diffiċli. Prova dawn is-suġġerimenti.
Suġġerimenti li jgħinuk tkampa
Adatta ruħek. It-teachers kollha differenti, għalhekk jistennew affarijiet differenti minnek. Ipprova ifhem x’tistenna minnek it-teacher, u agħmel l-almu tiegħek biex tobdiha.
Prinċipju tal-Bibbja: “Bniedem għaref jismaʼ u jieħu iktar istruzzjoni.”—Proverbji 1:5.
“Irrealizzajt li kelli naddatta ruħi u għalhekk għamilt dak li stajt biex nagħmel ix-xogħol kif riedet hi. Imbagħad kien iktar faċli għalija biex ningwalaha magħha.”—Christopher.
Uri rispett. Kellem lit-teachers tiegħek b’rispett. Tkunx arroganti magħhom, anki jekk taħseb li jkun ħaqqhom. Ftakar li huma ikbar minnek.
Prinċipju tal-Bibbja: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.
“L-istudenti mhux dejjem jirrispettaw lit-teachers, għalhekk jekk tagħmel sforz u turihom rispett jaf jittrattawk aħjar.”—Ciara.
Kun Raġonevoli. It-teachers huma nies bħalna. Għalhekk, bħal kulħadd, huma jkunu anzjużi u jiffaċċjaw problemi. Mela tgħidx, ‘It-teacher tiegħi kattiv’ jew ‘It-teacher tiegħi jobgħodni.’
Prinċipju tal-Bibbja: “Ilkoll nitfixklu.”—Ġakbu 3:2.
“It-teachers għandhom xogħol diffiċli ħafna. Mhux faċli żżomm lit-tfal kollha kwieti u tgħallimhom. Jien dejjem ħassejt li kelli nobdi lit-teacher ħalli nnaqqsilha l-istress.”—Alexis.
Tkellem mal-ġenituri tiegħek. Meta jkollok xi problema, il-ġenituri tiegħek ikunu jixtiequ jgħinuk. Huma jriduk tmur tajjeb fl-iskola u l-pariri tagħhom jistgħu jgħinuk meta jkollok teacher li ma tingwalahiex magħha.
Prinċipju tal-Bibbja: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali.”—Proverbji 15:22.
“Il-ġenituri għandhom iktar esperjenza minnek biex isolvu l-problemi. Għalhekk, ismaʼ mill-parir tagħhom għax dan jistaʼ jgħinek tirnexxi.”—Olivia.
Kif għandek tkellem lit-teacher tiegħek
Kultant, ikollok bżonn titkellem dwar il-problema li qed tiffaċċja mat-teacher tiegħek. Jekk m’għandekx kuraġġ tagħmel dan, ftakar li int sejjer titkellem mhux tiġġieled. Taf tibqaʼ sorpriż bir-riżultat.
Prinċipju tal-Bibbja: ‘Iġri wara l-affarijiet li jġibu l-paċi.’—Rumani 14:19.
“Jekk taħseb li t-teacher hi kattiva miegħek biss, staqsiha jekk għamiltx xi ħaġa li forsi ma ħaditx pjaċir biha. It-tweġiba tagħha tistaʼ tgħinek tara x’tistaʼ tagħmel biex tirranġa s-sitwazzjoni.”—Juliana.
“Ikun aħjar li titkellem mat-teacher dwar il-problema bil-kalma u fil-privat, forsi qabel jew wara l-lezzjoni. X’aktarx li se tifhmek u tirrispetta l-fatt li mort titkellem magħha.”—Benjamin.
ESPERJENZA VERA
“Ma kontx qed inġib marki tajbin, u t-teacher tiegħi ma tantx kienet qed tgħinni. Ma ridtx nibqaʼ mmur skola għax għamlitli ħajti diffiċli.
“Mort għand teacher ieħor biex nieħu parir mingħandu. Hu qalli: ‘Hi ma tafekx u int ma tafhiex. Għax ma tmurx tkellimha? Jekk tagħmel hekk, taf tgħin żgħażagħ oħrajn li għandhom l-istess problema.’
“Jien ma ridtx immur inkellimha. Imma wara li ħsibt dwar dak li qalli, indunajt li kellu raġun. Jekk ridt li l-affarijiet jinbidlu, kelli bżonn nagħmel xi ħaġa.
“Għalhekk, l-għada mort fuqha u għedtilha li vera napprezza l-lezzjonijiet tagħha u li ridt nitgħallem kemm nistaʼ. Imma kont qed insibha diffiċli biex nifhem. Hi tatni xi suġġerimenti u anki offrietli li tgħinni wara l-iskola jew bl-emails.
“Lanqas ridt nemmen! Wara li kellimtha, ir-relazzjoni taʼ bejnietna marret għall-aħjar u bdejt nieħu pjaċir l-iskola.”—Maria.
Parir: Jekk qed issibha diffiċli biex tingwalaha mat-teacher, ħudha bħala opportunità li tistaʼ tgħinek meta tikber. Katie, li għandha 22 sena, tgħid: “Wara l-iskola se tħabbat wiċċek maʼ nies t’awtorità li mhux dejjem se jittrattawk sew. Jekk jirnexxilek tkampa mat-teacher tiegħek, fil-futur se jirnexxilek tkampa maʼ nies li jkunu diffiċli wkoll.”