Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Huwa s-sess orali verament sess?

Huwa s-sess orali verament sess?

 Skont rapport miċ-​Ċentri għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard fl-​Istati Uniti, madwar nofs dawk li ġew intervistati u li kellhom bejn 15 u 19-​il sena ħadu sehem f’sess orali. “Jekk titkellem maż-​żgħażagħ [dwar is-​sess orali] jgħidulek li dan mhux xi ħaġa kbira,” tgħid Sharlene Azam, l-​awtriċi tal-​ktieb Oral Sex Is the New Goodnight Kiss. “Infatti huma lanqas biss jikkunsidrawh bħala li hu sess.”

 Int x’taħseb?

 Wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin iva jew le.

  1.   Tistaʼ tfajla tinqabad tqila jekk tieħu sehem f’sess orali?

    1.   Iva

    2.   Le

  2.   Is-​sess orali fih xi riskji għas-​saħħa?

    1.   Iva

    2.   Le

  3.   Huwa s-​sess orali verament sess?

    1.   Iva

    2.   Le

 X’inhuma l-​fatti?

 Qabbel it-​tweġibiet tiegħek maʼ dawn t’hawn taħt.

  1.   Tistaʼ tfajla tinqabad tqila jekk tieħu sehem f’sess orali?

     Tweġiba: Le. Din hi waħda mir-​raġunijiet għala ħafna nies jikkonkludu—b’mod żbaljat—li s-​sess orali ma fihx periklu.

  2.   Is-​sess orali fih xi riskji għas-​saħħa?

     Tweġiba: Iva. Xi ħadd li jieħu sehem f’sess orali jistaʼ jaqbdu l-​epatite (A jew B), il-​gonorrea, l-​erpete (herpes), l-​HIV, u s-​sifilide u wkoll jistgħu jitilgħulu felul fil-​parti ġenitali.

  3.   Huwa s-​sess orali verament sess?

     Tweġiba: Iva. Kwalunkwe kondotta li tinvolvi l-​organi sesswali taʼ persuna oħra—inkluż l-​att sesswali normali (intercourse), is-​sess orali, is-​sess anali, u l-​masturbazzjoni taʼ persuna oħra—huwa sess.

 Għala hu importanti?

 Eżamina diversi skritturi fil-​Bibbja li għandhom x’jaqsmu mas-​suġġett tas-​sess orali.

 Il-​Bibbja tgħid: “Dan hu li jrid Alla, . . . li titbiegħdu miż-​żína [jew, immoralità sesswali].”—1 Tessalonikin 4:3.

 Il-​kelma oriġinali li tiġi tradotta “żína” tirreferi għal kull forma taʼ intimità barra ż-​żwieġ, inkluż l-​att sesswali, is-​sess orali, is-​sess anali, u li xi ħadd jimmasturba lil persuna oħra. Min jieħu sehem fl-​immoralità sesswali jistaʼ jaħsad konsegwenzi serji, l-​iktar waħda gravi hi li jagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija tiegħu m’Alla.—1 Pietru 3:12.

 Il-​Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.”—1 Korintin 6:18.

 Is-​sess orali jistaʼ jkollu konsegwenzi ħżiena fiżikament u spiritwalment. Jistaʼ wkoll ikollu effett emozzjonali serju. “Mhux is-​sess vaġinali biss jistaʼ jġiegħlek tħossok użat, dispjaċut, jew vulnerabbli,” jgħid il-​ktieb Talking Sex With Your Kids. Il-​ktieb ikompli jgħid li meta xi ħadd ikollu x’jaqsam sesswalment f’sitwazzjoni li ma tkunx f’lokha, hu se jħoss emozzjonijiet negattivi. U dawn l-​emozzjonijiet mhumiex limitati għall-​att sesswali normali biss imma għal kull tip taʼ sess. Is-​sess, sess jibqaʼ.

 Il-​Bibbja tgħid: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek.”—Isaija 48:17.

 Temmen int li l-​liġijiet t’Alla rigward is-​sess huma għall-​ġid tiegħek? Jew tħoss li qed jillimitawk? Bħala għajnuna biex twieġeb dawn il-​mistoqsijiet, aħseb fi triq li minnha jgħaddu ħafna karozzi u li jkun fiha sinjali tat-​traffiku, fosthom taʼ kemm tistaʼ ssuq b’veloċità u s-​sinjali biex tieqaf. Int kif tqishom dawn is-​sinjali, bħala li qed jillimitawk jew bħala protezzjoni? X’jiġri jekk int u sewwieqa oħrajn tinjorawhom?

Il-liġijiet tat-traffiku jillimitaw il-libertà tiegħek, imma jipproteġuk. Hekk ukoll il-liġijiet t’Alla, jillimitawk imma huma għall-protezzjoni tiegħek

 Hu simili bil-​livelli t’Alla. Jekk tinjorahom, tistaʼ tkun żgur li se taħsad dak li tiżraʼ. (Galatin 6:7) “Iktar ma twarrab it-​twemmin u l-​valuri tiegħek u tieħu sehem f’affarijiet li tħoss li m’għandekx tagħmilhom, inqas se jkollok rispett lejk innifsek,” jgħid il-​ktieb Sex Smart. B’kuntrast, jekk tgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla, int se turi li għandek morali tajbin. Iżjed minn hekk, int se żżomm kuxjenza nadifa.—1 Pietru 3:16.