IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Għala għandek tiċħad l-istampa li tpinġi l-midja?—L-1 parti: Għat-tfajliet
Il-midja xi stampa tpinġi tat-tfajliet?
Agħti daqqa t’għajn lill-kwalitajiet t’hawn taħt, u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin.
L-1 kolonna |
It-2 kolonna |
---|---|
Immatura |
Responsabbli |
Ribelluża |
Ubbidjenti lejn il-liġi |
Immorali |
Bil-għaqal |
Superfiċjali |
Intelliġenti |
Tgħid fuq in-nies |
Taħseb f’ħaddieħor |
Qarrieqa |
Onesta |
Liema kwalitajiet jiddeskrivu lit-tfajliet skont kif is-soltu jidhru fil-films, fuq it-televixin, jew fir-rivisti?
Liema kwalitajiet jiddeskrivu kif int tixtieq li tkun magħrufa?
Wisq probabbli, użajt kwalitajiet mill-1 kolonna biex twieġeb l-ewwel mistoqsija u użajt kwalitajiet mit-2 kolonna biex twieġeb it-tieni mistoqsija. Jekk inhu hekk, dan ifisser li tixtieq tkun aħjar mill-mod kif il-midja tpinġi żagħżugħa “tipika” (media stereotype)—u mhux int biss tħossok hekk! Ikkunsidra għala.
“Il-films ipinġu tfajla tipika bħala waħda ribelluża b’attitudni ħażina. Jitfgħuna kollha fl-istess keffa—li m’aħniex taʼ min jafdana, moħħna f’kif nidhru, u nagħmlu kollox bi kbir.”—Erin.
“It-tfajliet fil-films u fuq it-televixin dejjem iridu l-attenzjoni u huma ffissati fuq id-dehra, il-ħwejjeġ, il-popolarità, u s-subien.”—Natalie.
“Rari tara tfajla ‘li taf tieħu gost’ u li ma tkunx qed tixrob, ma tkunx qed tmur mas-subien, u ma tkunx qed tirribella kontra l-ġenituri tagħha. Meta tfajla ma tagħmilx dawn l-affarijiet, ipinġuha jew bħala xi qaddisa jew xi waħda li titkaża mix-xejn.”—Maria.
Saqsi lilek innifsek: ‘Il-mod kif nilbes, inġib ruħi, u nitkellem verament juri min jien, jew sempliċement qed nimita l-mod kif il-midja tpinġi t-tfajliet?’
Dak li għandek tkun taf
Ħafna wħud jaħsbu li qed jifformaw il-personalità unika tagħhom, imma fir-realtà kulma qed jagħmlu hu li jimitaw dak li jaraw fil-midja. Mara żagħżugħa jisimha Karen tgħid: “Ninnota dan f’oħti ż-żgħira. Hi tagħmel tabirruħha li ma jimpurtaha minn xejn ħlief mill-ħwejjeġ u s-subien. Hi intelliġenti u naf li interessata f’affarijiet oħra, imma tilgħabha tal-belha għax taħseb li hekk biss tistaʼ tkun bħat-‘tfajliet l-oħra kollha.’ U għad għandha biss 12-il sena!”
Il-Bibbja tgħid: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema.”—Rumani 12:2.
L-istampa li l-midja tpinġi tat-tfajliet, mhijiex verament kif jixtiequ jkunu t-tfajliet kollha. “Fil-midja, it-tfajliet jidhru bħala li huma ossessjonati bihom infushom, fidili, u b’tendenza li jagħmlu affarijiet immaturi, imma jiena naħseb li ħafna minna bil-għaqal,” tgħid Alexis li għandha 15-il sena. “Ma nqattgħux il-ħin kollu tagħna noħolmu fuq xi ġuvni ħelu.”
Il-Bibbja tgħid: “Nies maturi . . . għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebrej 5:14.
Li jpoġġu t-tfajliet f’keffa waħda jkun taʼ benefiċċju għal dawk li jbigħu l-prodotti, u mhux għat-tfajliet infushom. Industriji kbar—inkluż dawk fil-qasam tal-istampar, il-moda, it-teknoloġija, u d-divertiment—jibdew jipprovaw jinfluwenzaw lit-tfal qabel ma jagħlqu t-13-il sena. Dan għax jindunaw li jistgħu jaqilgħu lira minn fuqhom. Ktieb jgħid: “Ir-reklami jagħtu l-impressjoni li tfal taħt it-13-il sena li m’għandhomx ħwejjeġ, aċċessorji, u makeup tal-aħħar moda, u l-iktar apparat elettroniku reċenti mhux se jkunu popolari. Dawn it-tfal jaraw ir-riklami seduċenti fuq bażi regulari, anke qabel ma jifhmu eżatt xi tfisser is-seduzzjoni.”—12 Going on 29.
Il-Bibbja tgħid: “Kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja.”—1 Ġwanni 2:16.
Aħseb dwar dan: Min se jibbenefika l-iktar jekk dejjem tkun moħħok fil-ħwejjeġ tad-ditta u l-moda? Min verament se jibbenefika jekk bilfors irid ikollok l-aħħar mowbajl għas-sempliċi raġuni li trid tkun popolari fost dawk tamparek? Dawk li jbigħu l-prodotti fl-interessi taʼ min huma l-iktar interessati—f’tiegħek jew f’tagħhom stess?
Dak li tistaʼ tagħmel
Taqbadx u taċċetta l-istampa li tpinġi l-midja. Hekk kif tikber, tikseb l-abbiltà li tara iktar minn dak li jaraw l-għajnejn. Uża d-dehen biex taħseb dwar l-effett li l-midja jistaʼ jkollha fuqek, speċjalment fejn jidħol il-mod kif tpinġi n-nies. Alana, li għandha 14-il sena, tgħid: “Il-midja tpinġi tfajla tipika bħala xi ħadd li għandha iktar makeup fuq wiċċha milli għandha ħwejjeġ fuq ġisimha, u ħafna żgħażagħ ma jindunawx li dan ma jgħinhomx jidhru aħjar, anzi jġegħelhom jidhru xejn sew.”
Agħmel il-miri tiegħek dwar it-tip taʼ persuna li tixtieq tkun. Pereżempju, erġaʼ aħseb fil-kwalitajiet li għażilt fil-bidu tal-artiklu, jiġifieri, il-kwalitajiet li tixtieq li tkun magħrufa għalihom. Għala ma tibdiex taħdem minn issa biex tiksibhom jew biex ittejjibhom? Il-Bibbja tgħid: “Ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha,”—u mhux skont ix-xbieha li r-reklami jippromwovu.—Kolossin 3:10.
Ammira u imita l-eżempju taʼ nies pożittivi. Tistaʼ ssib nies bħal dawn fil-familja tiegħek, pereżempju ommok jew zitek. Oħrajn jistgħu jkunu wħud li taf jew ħbieb li huma nisa maturi. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jibbenefikaw mill-fatt li għandhom ħafna nisa eżemplari fil-kongregazzjoni Kristjana.—Titu 2:3-5.
Suġġeriment: Uża l-ktieb Imita l-fidi tagħhom biex titgħallem dwar eżempji Bibliċi mill-aħjar taʼ nisa li tistaʼ timitahom, inkluż Rut, Ħanna, Abigajl, Ester, Marija, u Marta. Imita l-fidi tagħhom hu stampat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u hu disponibbli f’www.dan124.com/mt.