Waqfu biex jagħtuni daqqa t’id
Bob kien għaddej b’madwar 100 kilometru fis-siegħa f’ġurnata kiesħa u b’xebaʼ riħ f’Alberta, il-Kanada. F’daqqa waħda, it-tajer tax-xellug taʼ wara tal-vann tiegħu nfaqaʼ. Għall-ewwel Bob ma ndunax x’ġara, allura ddeċieda li jibqaʼ jsuq ħames kilometri oħra biex jasal id-dar.
F’ittra indirizzata lis-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova, Bob spjega x’ġara. “Maġenbi waqfet karozza b’ħames żgħażagħ u niżżlu t-twieqi,” kiteb hu. “Huma qaluli li nfaqagħli tajer. Tfajna mal-ġenb, u offrewli li jbiddluhuli. Lanqas biss kont naf jekk kellix stepni jew ġakk. Waqt li kont bilqiegħda fis-siġġu tar-roti mal-ġenb tat-triq, huma daħlu taħt il-vann u sabu l-istepni u l-ġakk, u biddluli t-tajer. Dakinhar kien ħafna bard, u kienet nieżla l-borra. Huma kienu lebsin pulit, imma xorta biddluli t-tajer. B’hekk stajt nerġaʼ nsuq. Żgur ma stajtx nagħmel dan kieku kont waħdi.
“Nixtieq nirringrazzja lill-ħames Xhieda li tawni daqqa t’id. Huma inzertaw ’l hemm għax kienu sejrin jippritkaw lin-nies minn bieb għal bieb. Dawn iż-żgħażagħ veru jpoġġu fil-prattika dak li jgħidu. Huma ffrankawli biċċa xogħol, u jien grat ħafna taʼ dan. Veru kienu qalbhom tajba miegħi, Alla bagħathom!”